Viżjoni Ħadra għal Malta 2050

Malta teħtieġ Viżjoni 2050 Alternattiva: Viżjoni Ħadra

Din il-laqgħa ġenerali tal-24 ta’ Mejju 2025 tinnota illi l-Viżjoni 2050 preżentata mill-Gvern Laburista u appoġjata mill-Oppożizzjoni Parlamentari Nazzjonalista:

  1. Hija bbażata fuq viżjoni ekonomika li ma tirrispettax lill-ekoloġija, u għaldaqstant ma tirrispettax lanqas lill-bniedem, la lill-ġenerazzjonijiet tal-lum u lanqas dawk ta’ għada;
  2. Tinjora materji ta’ natura fundamentali fosthom il-bidla fil-klima, l-użu tar-riżorsi skarsi bħall-ilma, sorsi ta’ enerġija, u l-art, u hija bbażata fuq il-mit tat-tkabbir bla rażan u akkost ta’ kollox;
  3. Li għalkemm il-Viżjoni 2050 tintroduċi l-idea li r-riga ekonomika waħedha (GDP) mhux suffiċjenti biex tkejjel il-progress, l-miri fil-viżjoni nnifisha huma mmirati biex jgħollu l-Prodott Gross Domestiku u jinjoraw l-benesseri u l-kwalità tal-ħajja.
  4. Illi l-Viżjoni 2050 tiffoka fuq servizzi finanzjarji, l-avjazzjoni, l-gaming u manifattura ‘high-end’ mingħajr ma ssemmi kif dawn is-setturi se jilħqu l-mira ta’ żero-karbonju, kif se jimxu minn miri short-term li jagħmlu ħsara lis-soċjetà u lill-ambjent, u liema setturi huma inkompatibbli mal-miri tal-klima;
  5. Illi l-Viżjoni 2050 tkompli tħajjar tkabbir fin-numri ta’ turisti, u tagħti x’tifhem li se tinkoraġġixxi r-reklamazzjoni ta’ mhedded kbar ta’ art mill-baħar u għaldaqstant tkompli żżid l-ispekulazzjoni, u żżid l-pressjoni fuq l-infrastruttura u r-riżorsi tal-pajjiż. Li l-Viżjoni ssemmi speċifikament ‘theme parks’ tixhed li m’hemmx rieda ta’ riforma tas-settur turistiku;
  6. Illi l-Viżjoni 2050 ma tħarsx lejn it-tnaqqis fl-użu ta’ riżorsi, kemm lokali kif ukoll riżorsi (u allura tniġġis) impurtat. Lanqas ma tħares lejn riformi fit-tassazzjoni biex tiffavorixxi kumpaniji li jissodisfaw kriterji soċjali, ekoloġiċi, demokratiċi u ekonomiċi li jippromwovu l-benesseri soċjali u ambjentali;
  7. Illi t-tniġġis u l-impatti fuq in-nies u l-ambjent tal-ekonomija għadhom jitqiesu bħala xi ħaġa ‘barranija’, hekk imsejħa ‘externalities’, l-aqwa l-profitt.

Dan il-partit jipproponi viżjoni alternattiva, Viżjoni Ħadra, bbażata fuq ir-realtà nnegabbli li l-bniedem hu parti integrali mill-ambjent naturali u li allura jeħtieġ li l-ħidma kollha tagħna tkun f’armonija mal-wirt naturali li baqa’. Jeħtieġ li nfittxu illi nirrestawraw kull fejn saret il-ħsara, mhux biss minn dawk li ġew qabilna imma ukoll issa f’dawn iż-żminijiet.

Din hi l-viżjoni li għandna mmexxu ‘l quddiem, u għaldaqstant din il-laqgħa ġenerali tisħaq li l-Viżjoni sal-2050 tkun ibbażata fuq dawn il-prinċipji:

  1. Il-benesseri u l-kwalità tal-ħajja – kull persuna għandha jkollha l-opportunità li tgawdi mill-prosperità tal-pajjiż, mhux biss il-ftit;
  2. Il-ġustizzja soċjali u ekoloġika – ekonomija ħadra li twassal għall-ekwità għall-ġenerazzjonijiet ta-lum u tal-futur;
  3. Il-limiti naturali tad-dinja (u tal-pajjiż) – ekonomija ħadra tissalvagwardja, tirrestawra u tinvesti fin-natura;
  4. Effiċjenza u suffiċjenza – il-produzzjoni u l-konsum għandhom ikunu sostenibbli;
  5. Governanza tajba – ekonomija li tħajjar ir-regħba taqdi l-interessi tal-ftit, iżżid it-tniġġis, teqred l-art u s-saħħa tan-nies. Ekonomija ħadra hija soġġetta għas-soċjetà u għal-limiti imposti min-natura li ma nistgħux naħarbu minnhom. Hija ekonomija li hija gwidata minn istituzzjonijiet kontabbli u reżiljenti li jfittxu l-interessi komuni kemm tal-ġenerazzjonijiet tal-lum, kif ukoll dawk tal-futur.

L-isfida prinċipali tibqa’ l-bidla fil-klima, u magħha l-kriżi tal-bijodiversità. Ma hemmx ekonomija b’saħħitha mingħajr dinja b’saħħitha. It-tkabbir ekonomiku, permezz tal-użu bla rażan tar-riżorsi mhux possibbli. L-inugwaljanza dejjem tiżdied. 61 persuna għandhom ġid daqs kemm għandhom l-ifqar 50% tal-popolazzjoni dinjija. Din hija riċetta għal politika estremista, gwerer u problemi oħra. F’Malta jekk inħarsu lejn indikaturi soċjali, n-nies f’riskju ta’ faqar kif ukoll ta’ esklużjoni soċjali fl-2024 laħqu 19.7% tal-popolazzjoni. Is-setturi ta’ nies li huma fl-aktar riskju ta’ faqar huma t-tfal u l-anzjani. Għandna ekonomija mibnija fuq l-ispekulazzjoni tal-art, fuq industrija tat-turiżmu li fil-fatt hija wkoll spekulazzjoni tal-art, u fuq setturi oħra li jagħmlu l-profitti għax iħallsu pagi baxxi. Dan huwa rifless fi statistika tal-Eurofond (2021) li wera li bejn l-2010 u l-2017 l-aktar 5% sinjuri tal-popolazzjoni Maltija żiedet il-ġid tagħha minn 33% għal 40% tal-ġid tal-pajjiż (Rapport ieħor, ‘The dynamics of wealth inequality in Europe’, joħroġ f’Lulju ta’ dis-sena li jkopri mill-2010 sal-2021). L-hekk imsejjaħ ‘tkabbir’ qed jinħataf mill-ispekulaturi. Il-Viżjoni 2050 ftit li xejn tindika bidla fis-sistema ekonomika. Il-Viżjoni 2050 tal-gvern ma tagħtix soluzzjonijiet biex il-ġid jitqassam bejn il-ħafna, u minflok tkompli ssostni l-corporate welfare għal kumpaniji multinazzjonali. Dan ifisser inugwaljanzi fid-dħul tal-ħaddiema, konċentrazzjoni ta’ assi u kapital rieqed f’idejn il-ftit, u spekulazzjoni finanzjarja li tagħmel ħsara lill-ekonomija u lin-nies.

Malta hija parti mid-dinja, u parti mill-Unjoni Ewropea, u għaldaqstant għandna nagħmlu l-parti tagħna biex nimxu lejn ekonomija ħadra li tirrispetta lin-nies, billi nirrispettaw l-ekoloġija.

Il-Viżjoni Ħadra tagħna hija viżjoni li:

  1. Tħares lilhinn mit-tkabbir ekonomiku kif imkejjel mill-Prodott Gross Domestiku, li ironikament jekk jimirdu aktar nies u allura jixtru aktar mediċinali, jew jekk jinħaraq aktar fuel li jniġġes, per eżempju, juri ‘tkabbir’ għax jiżdiedu l-profitti għal xi setturi, avolja ssir ħsara lis-soċjetà, lill-persuni u tonqos il-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjoni. Ekonomija Ħadra hija ekonomija li tħares in-natura u ttejjeb il-benesseri u l-kwalità tal-ħajja tan-nies;
  2.  Tirriforma s-sistema finanzjarja u ta’ tassazzjoni biex tkisser iċ-ċiklu ta’ profitti malajr akkost ta’ kollox u ta’ kulħadd u tħajjar investiment fit-tul. Prijoritajiet soċjali u ambjentali għandhom ikunu l-bażi ta’ deċiżjonijiet ta’ natura ekonomika u finanzjarja;
  3. Tara li setturi essenzjali bħal l-enerġija, l-ilma, l-biedja u t-trasport, kollha dipendenti fuq is-servizzi li ttina n-natura, jitmexxew fuq prinżipji ekoloġiċi biex jitnaqqas l-impatt tagħhom fuq il-klima u fuq l-ambjent naturali;
  4. Tpoġġi s-servizzi ekoloġiċi li niddependu lkoll fuqhom fiċ-ċentru tal-politika ekonomika;
  5. Hija reżiljenti għax tesiġi ċirkolarità fl-użu tar-riżorsi, b’miri ċari u inċentivi u diżinċentivi biex pajjiżna jasal għal żero-tniġġis, żero-skart u użu bilgħaqal tar-riżorsi;
  6. Temfasizza varjetà ta’ negozji żgħar u medji, koperattivi, u forom ta’ attività ekonomika li sseddaq il-ġid komuni. Ekonomija li żżid l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fit-tmexxija u li tippremja investimenti fit-tul fuq l-ispekulazzjoni tas-swieq finanzjarji;
  7. Tidentifika liema oqsma ekonomiċi mhux sostenibbli u tipprepara u tippjana għall-phasing out ta’ dawn is-setturi;
  8. Tieqaf tissussidja setturi ta’ ħsara għall-ambjent u tintaxxa l-akkumulazzjoni esaġerata ta’ ġid biex minflok tħajjar investiment soċjali u ekoloġiku.

Dr Ralph Cassar
Segretarju Ġenerali – f’isem l-Eżekuttiv
ADPD – The Green Party

Dokument [PDF]

FacebookEmail