Rapport dwar il-Laqgħa Ġenerali Annwali 2025 ADPD – The Green Party

Fil-konferenza stampa wara l-laqgħa ġenerali annwali ta’ ADPD-The Green Party, iċ-Chairperson Sandra Gauci tkellmet dwar it-temi li ġew diskussi u tat rendikont tal-ħidma tal-partit.

“Kienet sena ta’ bdil fix-xena politika fejn rajna riżenji u kompliet għaddejja l-battalja favur is-sewwa u dak li hu ġust. Dan ġara b’ħafna xkiel u gambetti imma aħna bħala partit xorta żammejna l-għaqda u komplejna.

Kien hemm kisbiet li aħna kburin bihom bħal żewg kunsilliera eletti f’Ħ’Attard u f’San Pawl il-Baħar. Kandidati oħra tagħna wkoll ġabu riżultati rispettabbli. Almenu x-xogħol li għamilna ssarraf f’nies eletti. Inkomplu naħdmu biex nippreparaw ruħna għall-elezzjoni ġenerali f’ambjent medjatiku ostili iżda f’soċjetà li bil-mod u bin-numri qed turi li xebgħet mill-bipolarizmu tal-aħmar u l-blu.

Il-kawża kostituzzjonali tagħna fuq kif titħaddem il-proporzjonalità fis-sistema elettorali għadha għaddejja u waslet fl-istadju tal-appell. Din hi waħda mill-battalji tagħna fil-ġlieda għal sistema aktar demokratika u inklussiva. Hemm bżonn ta’ aktar vucijiet. L-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali wrew iċ-ċaqlieqa ta’ numru mdaqqas tal-elettorat lejn nies mhux parti mid-duopolju. Hemm bżonn li din il-vuċi ssib postha fil-Parlament u aħna qed nagħmlu dan bil-kawża li għadha għaddejja, għax effettivament qed nisfidaw l-ostakli magħmulin apposta u bi skop fis-sistema.

Bħala partit nesiġu ċarezza u kontabilità f’min imexxi u r-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards kien iebes dwar dan, dwar in-nuqqas ta’ trasparenza ġej minn ras il-għajn, mill-Prim Ministru. Il-fatt li għandna Parlament li jibża’ jkun kontabbli mal-elettorat tiegħu jagħti impressjoni li hemm affarijiet moħbija li jibżgħu li jinkixfu. Kif tista’ n-nies ikollha fiduċja f’min kull pass li jagħmel jipprova jgħaddihom passata? Kif jista’ membru tal-Kabinett tal-Ministri jkun ta’ eżempju jekk jibża’ juri d-dħul tieghu? Min ma jridx jikxef għandu x’jaħbi. Dik hija l-unika konklużjoni u l-aġir tal-gvern huwa illegali u jmur kontra kull etika u morali. Imma mhux qed niskanta.

Ormaj drajna bi gvern li jgħaddi romblu fuq in-nies. Gvern li jinjora l-għajta tal-poplu biex Kemmuna ma tiġix żviluppata, biex Manoel Island tingħata lura lin-nies, biex il-kosta ma tingħatax lill-privat, biex ikun hemm sikurezza fil-bini, u biex ma jgħaddix l-abbozz ta’ liġi 125 li ddgħajjef l-għodda tal-inkjesti maġisterjali. Protesti, petizzjonijiet li jiġu puntwalment injorati minn gvern li hu pupazz f’idejn ħaddieħor u li żgur mhux jirrappreżenta lill-poplu. Ir-riformi li saru juru li jipprivileġġjaw setturi ta’ nies qrib il-gvern. Il-bqija jgawdu l-frak

Il-gvern jitkellem dwar id-djalogu, imma mbagħad joqtol il-proċess tal-Konvenzjoni Kostituzzjonali qabel biss telqet timxi. Konferma ta’ dan hija l-emendi li qed jipproponi l-gvern għall-Kostituzzjoni li se jmorru dritt il-Parlament. Okkażjoni oħra fejn il-gvern iraqqa’ ‘l hemm u ‘l hawn. Il-gvern ma jridx jkompli l-proċess tal-Konvenzjoni Kostituzzjonali u waqf fil-ġbir tal-proposti. Wara li diversi entitajiet, fosthom il-partit tagħna ppreparaw dokumenti bi proposti, u wara li bosta individwi ħadu sehem fil-konsultazzjoni, kollox miet fuq ommu u l-Konvenzjoni Kostituzzjonali per se qatt ma ġiet kostitwita. Dan huwa r-rispett li għandu l-gvern għan-nies. Huwa ċar li l-gvern jippreferi jemenda l-biċċiet fejn jidhirlu, mingħajr ma jħares bis-serjetà lejn il-proposti dettaljati li saru fil-kuntest tal-proposta ta’ Konvenzjoni Kostituzzjonali li għaliha anke aħna kkontribwejna. X’tiswa l-konsultazzjoni jekk tibqa’ fuq il-karta?”

Waqt il-laqgħa ġenerali ta’ ADPD dalgħodu, ġiet approvata mozzjoni ppreżentata mis-Segretarju Ġenerali Ralph Cassar li tindirizza l-Viżjoni 2050 ippreżentata mill-gvern u appoġġjata mill-Oppożizzjoni Parlamentari Nazzjonalista.  Fundametalment, din il-viżjoni hija bbazata fuq viżjoni ekonomika skaduta li ma tirrispettax l-ekoloġija, u għaldaqstant ma tirrispettax lill-bniedem, la l-ġenerazzjonijiet tal-lum u lanqas dawk ta’ għada. Fost il-proposti problematiċi hemm il-viżjoni li tkompli tħajjar tkabbir fin-numru ta’ turisti biex tagħmel tajjeb għal bini bl-addoċċ, bla kontroll u vizjoni. Dan jistona speċjalement f’kuntest ta’ diskors li jsir fuq iż-żieda tal-popolazzjoni. Il-viżjoni hija wkoll nieqsa minn kunsiderazzjonijiet li jagħtu prijorità lill-benesseri u l-kwalità tal-ħajja fosthom permezz ta’ gvern li jirrispetta l-governanza tajba, fuq aspetti bħal ma huma l-użu tal-art, ir-regħba li taqdi l-interessi tal-ftit, fost oħrajn; aspetti li huma neqsin kompletament mill-viżjoni.   Huwa ta’ diżappunt kbir li l-viżjoni ma ssemmi xejn fuq l-ikbar kwistjoni li trid tħabbat magħha d-dinja, inkluż pajjiżna, li hija t-tibdil fil-klima.  ADPD tisħaq li ma tistax teżisti ekonomija b’saħħitha mingħajr dinja b’saħħitha.  Setturi essenzjali bħall-enerġija, ilma, biedja u transport għandhom ikunu pern fundamentali fil-viżjoni.  ADPD tenfasizza li fiċ-ċentru tad-dokument għandu jkun hemm ir-rispett lejn il-jeddijiet fundamentali tal-ħaddiema, Maltin u mhumiex, anke billi jiġu promossi varjetà ta’ negozji żgħar u medji, koperattivi u forom ta’ attività ekonomika li sseddaq il-ġid komuni, iktar parteċipazzjoni tal-ħaddiema fit-tmexxija u li tippremja investimenti fit-tul minflok l-ispekulazzjoni tas-swieq finanzjarji.   

Fil-ġimghat u x-xhur li ġejjin, ADPD ser tkompli tiżviluppa l-kontribut tagħha fuq diversi temi li jissemmew u oħrajn li huma nieqsa mill-Viżjoni 2050.   

Il-kumitat eżekuttiv konfermat waqt il-laqgħa ġenerali huwa kompost kif ġej:

ChairpersonSandra Gauci
Deputat ChairpersonMelissa Bagley
Deputat ChairpersonCarmel Cacopardo
Segretarju ĠeneraliRalph Cassar
Deputat Segretarju Ġenerali (Org. u Amm.)Luke Caruana
Deputat Segretarju Ġenerali (Policy)Mario Mallia
Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi (PRO)Brian Decelis
TeżorierMina Jack Tolu
Segretarju InternazzjonaliMark Zerafa
Membru tal-EżekuttivMarcus Lauri
Membru tal-EżekuttivSam Vella
FacebookEmail