Ekonomija bbażata fuq it-traffiku ma taħdimx sew

Waqt il-konferenza ‘Urban Malta Conference 2025’ organizzata mill-Malta Institute of Management li saret ilbieraħ ġie diskuss il-futur tal-ippjanar urban f’Malta.

Iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Sandra Gauci li ħadet sehem f’dil-konferenza qalet li huwa tajjeb li jsiru dawn id-diskussjonijiet. Saħqet li hemm bżonn soluzzjonijiet fit-tul. Qalet li sfortunatament ħafna drabi joħorġu biss proposti short-term, li ma jħarsux fit-tul. Il-fatt li l-użu tal-karozza donnu se jibqa’ sovran, u prijorità fit-toroq fuq kull mezz ieħor ta’ transport juri kemm il-pjan tal-gvern huwa obsolet qabel biss ma’ jiġi implimentat. Ma hemmx bżonn nivvintaw ir-rota, hemm diversi eżempji ta’ pajjiżi oħra Ewropej, inkluż ta’ bliet żgħar u medji, li nistgħu nadattaw għal pajjiżna. Il-pjan tal-gvern jinjora l-impatti tal-bidla fil-klima u l-effetti tal-vetturi fuq saħħitna.

“F’pajjiżi moderni, bil-kontra ta’ dak li jaħsbu xi wħud, l-użu tal-karozzi jonqos u mhux jiżdied. Aktar mal-gvern jipprokrastina aktar ikun hemm il-bżonn li jinħargu miżuri li fil-bidu jinħassu iebsa. L-ekonomija mhux se tikkrolla, iżda bil-maqlub għax b’ippjanar sew malajr nirrealizzaw li nistgħu fiċ-ċokon ta’ pajjizna jista’ jkollna transport effiċjenti u sostenibbli, anke mingħajr karozzi privati li jieħdu l-ispazju prattikament kollu fit-toroq tagħna. Meta tara kemm naħlu ħin fit traffiku tinduna kemm qed naħlu ħin minn ħajjitna. Il-proposti għadhom wisq timidi meta hemm bżonn deċiżjonijiet kuraġġużi: kuraġġ li bħalissa ma jidher imkien, la fil-gvern u lanqas fil-parlament.”

“Aħna ta’ ADPD-The Green Party għandna s-soluzzjonijiet li ilna li ippubblikajna żmien, u minn żmien għall-ieħor nirrepetu. Hemm bżonn ta’ sistema Bus Rapid Transit, b’lanes jew karreġġjati dedikati apposta għalihom. Ma jeħlux fit-traffiku u jingħataw prijorità f’salib it-toroq, u jġorru ammonti kbar ta’ passiġġieri. Trams f’ċertu bnadi jistgħu wkoll ikunu parti mis-soluzzjoni. Hemm bżonn li ninċentivaw aktar it-teleworking kemm fis-settur privat kif ukoll fis-settur pubbliku. Għandu jkun il-gvern li bl-eżempju jkollu aktar ħaddiema fuq it-telework. Karozzi li jkollhom aktar nies fil-karozza jkunu jistgħu jgħaddu minn ċertu toroq li karozzi b’persuna waħda ma jgħaddux. Il-pajjiż hemm bzonn li mhux biss jiżviluppa ekonomikament imma hemm bżonn li jiffunzjona. B’mobilità ibbażata fuq aktar u aktar traffiku ma jiffunzjonax.”

Fost proposti oħra ta’ ADPD-The Green Party dwar il-mobilità hemm ukoll il-bżonn ta’ attenzjoni fuq mezzi bħar-roti u l-pedelecs bi rotot sikuri tul it-toroq prinċipali kollha, u b’emfasi fuq is-sigurtà fit-toroq kollha. Il-pedestrijanizazzjoni li tagħti lura t-toroq lin-nies, inkluż familji bit-tfal u persuni vulnerabbli, u ssaħħaħ il-komunitajiet hija proposta oħra fost oħrajn. Anke hawn m’hemmx ir-rieda li dawn il-proposti jitwettqu. Bin-naqriet ma nimxux.

FacebookEmail