Ralph Cassar, kelliem ta’ AD dwar l-enerġija, t-trasport u l-infrastruttura qal li AD tappella li l-ġnien pubbliku fil-foss ta’ Bieb il-Belt m’għandux jibqa’ fuq l-ixkaffa.
“Diversi nies ikkuntattjawna biex jesprimu d-diżappunt tagħhom dwar idea li qed tissemma fil-media li l-ġnien pubbliku fil-pjanijiet oriġinali ta’ Piano ma jsirx u floku isir parkeġġ.”
“Il-Belt kapitali hija aċċessibbli permezz tat-trasport pubbliku, u jekk jinħass il-bżonn għandu jiżdied is-servizz u mhux titkompla issir aktar faċli l-invażjoni ta’ karozzi li qed isseħħ fil-Belt”.
“Il-kontrolli fuq id-dħul ta’ karozzi spiċċaw fix-xejn minħabba politika populista li twassal biss biex in-nies jiġu relegati fil-ġenb, bil-prijorita’ teħodha l-karozza. Jekk il-ġnien, li huwa fost l-isbaħ aspett tal-proġett tal-Belt, ma jsirx ikun ifisser li n-nies, il-ġenituri, t-tfal, iż-żgħażagħ u l-anzjani ikunu qed jingħataw il-ġenb, jittieħdilhom spazju miftuħ, u minflok jingħata prijorita lid-duħħan tal-karozzi”.
Ic-Chairperson ta’ AD Arnold Cassola qabbel dak li qed jiġi rappurtat dwar il-ġnien ta’ Bieb il-Belt ma dak li se jiġri Ta’ Xbiex. “Milli jidher il-Gvern għandu allerġija għall-ġonna pubbliċi. Il-ġnien ta’ Ta’ Xbiex huwa taħt il-mira tal-iżviluppaturi u interessi kummerċjali privati. F’pajjiż tant żgħir l-idea ta’ kwalita tal-ħajja u spazji pubbliċi miftuħa għadha tingħata l-ġenb”.