Trasport pubbliku effiċjenti u sussidjat – fl-interess ta' kulħadd

city_gate_valletta_ditch

Ralph Cassar, kelliem ta’ AD dwar l-enerġija, t-trasport u l-infrastruttura qal li d-diskors li qed isir mill-Kamra tal-Kummerċ li jagħti x’jifhem li investiment fit-trasport pubbliku mhux ta’ ġid għall-ekonomija ma jagħmilx sens. “Għalkemm l-effetti tajbin fuq l-ekonomija ta’ sistema ta’ trasport pubbliku effiċjenti, bi prezz ragonevoli u sussidjat jew imħaddem direttament mill-istat huma magħrufa sew, l-ekonomija mhux l-uniku kejl ta’ suċċess jew le ta’ servizz pubbliku essenzjali bħat-trasport pubbliku.” “Ħarsa lejn sistemi ta’ trasport pubbliku madwar id-dinja juri li l-aktar sistemi effiċjenti huma kollha jew imħaddma direttament mill-istat jew gvern reġjonali jew inkella b’kuntratt ta’ servizz issussidjat b’rata qawwija mill-istat, bl-operatur marbut b’livell ta’ servizz lil hinn minn kunsiderazzjonijiet purament ekonomiċi.” “L-ewwel riforma tas-servizz tat-trasport kienet biss tinkludi servizz minimu, b’sussidju minimu, u rotot inkonvenjenti li ma jispiċċaw qatt. Irridu niftakru li sistema ta’ trasport pubbliku tgħin ukoll lill-imprendituri żgħar billi tipprovdi servizz kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-ħaddiema. Nappellaw lil-Gvern li jimplimenta miżuri biex jitnaqqas it-traffiku f’żoni b’livelli allarmanti ta’ tniġġis fl-arja, iżid it-trasport pubbliku lejn dawn l-inħawi u fuq rotot li jiżaw in-nies biex imorru lejn il-post tax-xogħol u żoni kummerċjali u jżid il-pedestrijanizazzjoni.”

FacebookEmail