F’kuntest ġeopolitiku mqalleb u inċert, iż-żgħażagħ għandhom bżonn tmexxija b’viżjoni li ma tħarisx sa mneħirha. B’kampanja elettorali li permezz tagħha, hemm tentattiv ċar li jinxtara l-vot taż-żgħażagħ bil-wegħdiet tal-ismart watch, u s-superbonus, ADPD tipproponi vżzjoni li tieħu nota tas-sitwazzjoni internazzjonali sabiex toffri soluzzjonijet responsabbli u sostenibbli, li filwaqt li jwieżnu lil min huwa l-iktar batut fis-socjetà, ma jitfgħux il-piż tad-dejn fuq il-ġenerazzjonijiet futuri.
Dan qalu Mario Mallia, Deputat Segretarju Ġenerali, u kandidat fuq distretti 2 u 8, waqt konferenza tal-aħbarijiet li ffukat fuq iz-żgħażagħ.
Iż-żgħażagħ għandhom dritt għas-serħan-il moħħ, li pajjiżna huwa reżiljenti biżżejjed biex jilqa’ għall-isfidi li mdawwar bihom, bl-użu għaqli tar-riżorsi.
Il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet indirizzata wkoll min Samuel Vella membru tal-eżekuttiv ta’ ADPD u tal-fergħa taż-żgħażagħ tal-partit. Vella elenka l-proposti li ż-żgħażagħ identifikaw bħala dawk li jħossu li huma fost l-aktar importanti.
Fost il-proposti favur iż-żgħażagħ, ADPD-The Green Party jaħdem biex:
- In-numru ta’ ħaddiema speċjalment żgħażagħ li jkollhom ftehim kollettiv, jitla’ mir-rata miżera ta’ 31% għal dik stabbilità mill-Unjoni Ewopea ta’ 80%. Dan biex l-isfruttament tal-ħaddiema żgħażagħ jonqos drastikament.
- Tiżdied il-paga minima għal living wage speċjalment għal familji żgħażagħ.
- Ma tħallix is-suq isuq bi prezzijiet tal-propjetà li rduppjaw mill-2013 sal-2024 u tal-kirjiet jiżdiedu b’rata allarmanti ta’ 175% fi tliet snin, li qed tħalli lil ħafna żgħażagħ mingħajr il-possibilta` ta’ saqaf diċenti fuq rashom. Jitnedew koperattivi tal-housing biex iż-żgħażagħ ikollhom possibbilta` ta’ housing affordabbli. Tiġi kontemplata taxxa li tinċentiva lil min jikri biex ipoġġi l-propjetà fis-suq.
- Parental leave li jiżdied, imma li jittieħed kemm mill-missier u kemm mill-omm. Dan biex ir-responsabbiltà tat-tfal ma tkunx mitfgħuha fuq l-omm biss u tisseddaq ugwaljanza u l-opportunità fl-indukrar tat-tfal.
- Sistema ta’ transport li tindirizza l-għerq tal-problema, cioe l-ammont ta’ karozzi fit-toroq, biex iż-żgħażagħ ma jaħlux ħajjithom fit-traffiku. Fost dawn il-proposti hemm dedicated bus lanes, biex iz-żgħażagħ li jużaw tal-linja jaslu fil-ħin u b’mod komdu. Toroq siguri għar-roti u roti elettriċi flimkien ma’ inċentivi oħra biex jintużaw aktar dawn il-mezzi.
- Studenti u ħaddiema Għawdxin, żgħażagħ u mhux jingħataw priorità biex jimbarkaw fuq il-vapuri biex jaqsmu lejn u minn Għawdex.
- Isir moratorium fuq bini massiċċ sakemm jigu riveduti il-pjanijiet lokali. Dan biex l-ispazji miftuħa jiġu mħarsa, u s-saħħa mentali taż-żgħażagħ tkun protetta.
- Ikun hemm liġi ta’ finanzjament tal-partiti effettiva biex l-industrija tal-kostruzzjoni ma tibqax tiddetta l-aġenda tal-partiti, u jkomplu jindifnu l-ispazji miftuħa li ż-żgħażagħ għandhom dritt għalihom.
- Deċiżjonijiet fuq il-futur għal studenti b’diżabilità fil-qasam post-sekondarju, jiġu mitħaddta maż-żgħażagħ infushom u mal-ġenituri ta’ dawn iż-żgħażagħ, flok ma jitħallew ix-xhur fil-limbu. Għandu jsir sforz ikbar biex inizjattivi li joffru xogħol dinjituż liż-żgħażagħ b’diżabilità jiġu megħjuna u inċentivati iktar.

