Fi stqarrija l-kelliem u kandidat fuq distretti 1 u 9 Mark Zerafa ppreżenta l-proposti ta’ ADPD-The Green Party dwar il-benesseri tal-annimali.
Zerafa saħaq li hemm bżonn li nżommu f’moħħna li annimal hu esseri konxju li kapaċi iħoss l-uġigħ u l-biża’; għalhekk jeħtieġ li l-annimali nittrattawhom b’mod dinjituż u li nevitaw li nikkawżaw tbatija.
L-liġi tal-Animal welfare ġiet approvata mill-Parlament fis-sena 2014, u l-użu tal-annimali fiċ-ċirkli sar illegali. Hija kontradizzjoni mela, li fis-sena 2026, għadhom jeżistu zoos f’Malta, li fihom jinżammu annimali eżotiċi f’kondizzjonijiet li mhumiex kompatibbli man-natura ta’ dawn il-ħlejjaq li evolvew sabiex jgħixu fil-beraħ. Għaldaqstant il-proposta tagħna hi li għandu jkun hemm moratorju totali fuq liċenzji ġodda għal zoos, filwaqt li dawk eżistenti għandhom ikunu suġġetti għal spezzjonijiet sabiex inkunu ċerti li l-annimali jingħataw il-kura u l-attenzjoni medika li għandhom bżonn u li qegħdin jinżammu fl-aħjar kondizzjonijiet possibbli.
Ta’ min isemmi ukoll annimali eżotiċi li jinżammu bħala pets f’residenzi. Fix-xhur li għaddew, ingħatat amnestija sabiex persuni li kellhom fil-pussess tagħhom annimali eżotiċi bħal iljuni u tigri b’mod illegali ibbenefikaw minn maħfra. Din ma turix serjetà. Daqshekk amnestiji.
It-tgħammir tal-annimali bi skop ta’ qligħ hemm bżonn li jiġi kkontrollat. Nipproponu multi ħorox għal min jinqabad jgħammar il-klieb mingħajr liċenzja, u l-liċenzja għandha biss tingħata lil persuni li għandhom il-ħiliet meħtieġa, kif ukoll ir-riżorsi sabiex iżommu l-annimal f’kundizzjonijiet xierqa.
Nemmnu li hemm bżonn urġenti li ntejbu s-servizz veterinarju ta’ emerġenza. Il-bżonn ta’ sptar tal-annimali ilu jinħass u dan is-servizz għandu jerġa’ jibda jopera bla dewmien.
NGOs u individwi li jaħdmu favur id-drittijiet tal-annimali mingħajr interess ta’ gwadann personali jistħoqqilhom kull sapport fil-ħidma tagħhom. Għandu jkun hemm leave għal bżonnijiet ta’ emerġenza fejn jidħol il-kura ta’ pets.
L-annimali fil-biċċerija bl-istess mod iħossu biza’, stress u uġigħ. Hemm bżonn li anke hawn, isiru spezzjonijiet anke spontanji b’mod trasparenti sabiex inkunu ċerti li dawn l-annimali qegħdin jingħataw trattament xieraq u denju.
Li taqbad għasfur mis-selvaġġ u tjassru f’gaġġa meta dan suppost qed ipassi fil-beraħ hija moħqrija, hemm ukoll l-effetti devastanti fuq il-bijodiversità. Minkejja twissijiet mill-kummissjoni Ewropea, għaddasna rasna u minflok nsib, sejjaħnielu riċerka xjentifika. Ironika kif min-naħa l-oħra, data xjentifika validata ġiet imwarrba biex jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa. Il-liġijiet Ewropej dwar il-bijodiversità, u l-kaċċa u l-insib – liġijiet li jipproteġu l-wirt naturali tagħna l-Maltin – għandhom jiġu infurzati u jsiru parti mil-liġi Maltija, kif suppost huma, fl-intier tagħhom.

