Iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Sandra Gauci qalet li Malta għandha tieħu kull okkażjoni biex twassal messaġġ ċar kontra l-ġenoċidju minn Iżrael fil-Palestina. “Nifhem li għal ħafna l-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Eurovision Song Contest hu importanti għal ħafna nies, anke minħabba li dan jiġi segwit minn biljun persuna fis-sena. Appuntu għax hu hekk segwit hu importanti u jista’ jwassal ukoll messaġġi importanti ħafna f’dinja medjatika. Din id-darba l-messaġġ għandu jkun ta’ Ewropa magħquda kontra l-ġenoċidju li qiegħed iseħħ fil-Palestina.”
“Huwa ghalhekk li Malta m’għandhiex tieħu sehem. L-arti performattiva minn dejjem kienet mezz importanti biex jitwasslu messaġġi politici importanti u dan huwa mument storiku fejn il-mużika tista’ tkun mezz kif twassal il-messaġġ tagħha bis-silenzju: silenzju favur poplu sħiħ li qed jinqered, ta’ kuljum. Aħna ta’ ADPD-The Green Party nitolbu li l-PBS u l-gvern jieħdu deċiżjoni ċara biex Malta ma’ tieħux sehem jekk Iżrael jitħalla jieħu sehem, anke f’ġieħ il-konsistenza. Il-ħajja tan-nies qabel kollox. Huwa l-inqas ħaġa li nistgħu nagħmlu bħala pajjiż: sinjal ċar ta’ diżapprovazzjoni u kundanna.”

