
Kummentarju imxandar fuq RTK nhar it-Tnejn 4 ta’ April 2016
L-istorja taż-Żonqor għadha friska f’moħħna: l-Università Amerikana mifruxa fuq 90,000 metru kwadru li Joseph Muscat ried li tinbena barra miż-żona ta’ Żvilupp fil-limiti ta’ Marsaskala. Issa, apparti li m’għadiex Università ser tmur Bormla fid-Dock 1 u ser tkun biss parti (18,000 metru kwadru) minnha li ser tinbena barra miż-żona tal-iżvilupp fiż-Żonqor Marsaskala. Anke din il-parti hi żejda għax seta’ faċilment instab post ieħor ukoll biex din l-istituzzjoni edukattiva, kollha kemm hi, ma tagħmilx ħsara ambjentali.
Kont nistenna li minn din il-polemika l-Gvern ta’ Joseph Muscat tgħallem xi ħaġa. Sfortunatament jidher li ma tgħallem xejn.
Fl-aħħar jum ta’ Marzu ġie fi tmiemu l-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika dwar dokument maħruġ mill-Ministeru responsabbli għall-Isports liema dokument kien dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-faċilitajiet sportivi biex jgħin lill-għaqdiet sportivi jkollhom sors ta’ introjtu finanzjarju u b’hekk iqegħdu pedamenti għas-sostenibilità finanzjarja tagħhom. L-iskop tal-Gvern hu biex ikunu mgħejjuna assoċjazzjonijiet u klubbs sportivi ħalli dawn ikunu jistgħu jużaw aħjar il-potenzjal tal-faċilitajiet tagħhom u b’hekk ikunu jistgħu jiffinanzjaw lilhom infushom.
Ħadd ma jista’ jgħid li dan l-iskop mhuiex wieħed tajjeb.
Imma hemm problema kbira li l-Ministeru tal-Isports ma ħasibx fiha: l-faċilitajiet sportivi f’Malta, fil-parti l-kbira tagħhom qegħdin barra miż-żona ta’ l-iżvilupp fit-tarf tal-ibliet u l-irħula tagħna, uħud ħdejn iż-żoni residenzjali, inkella qegħdin mal-kosta.
Mela biex jintlaħaq dan l-iskop, jiġifieri li tingħata għajnuna lill-għaqdiet sportivi biex jiġu fuq saqajhom hemm iċ-ċans, mhux żgħir, li nispiċċaw b’xi grounds tal-futbol barra mill-ibliet u l-irħula tagħna mibnijin bi ħwienet, uffiċini jew xi hostel u bil-ground tal-futbol fuq il-bejt, bħalma wara kollox diġa sar ġewwa Tignè f’tas-Sliema!
Jekk inti toqgħod fit-tarf tal-belt jew ir-raħal tiegħek hemm ċans tajjeb li tkun tista’ tibda ssegwi partita futbol minn fuq il-bejt. Jekk tkun iffurtunat tkun tista’ issegwiha ukoll mill-kamra tas-sodda! Il-floodlights tal-ground tal-futbol issa ser jispiċċaw idawlulek il-kmamar tad-dar. Forsi tispiċċa tiffranka l-konsum tal-elettriku ukoll!
Dawn il-problemi kollha huma b’żieda ma problemi ta’ parking u istorbju, sajf u xitwa.
Hemm imbagħad il-faċilitajiet sportivi mal-kosta li l-operaturi tagħhom wkoll jippretendu l-istess trattament. U nispiċċaw b’xi restorant jew disco ħdejn il-baħar taparsi klabb tal-waterpolo, jew taparsi xi maħżen għad-dgħajjes jew għall-għaddasa!
Dak propost f’dan id-dokument ta’ konsultazzjoni, jekk implimentat, jista’ jkun il-kawża ta’ ħafna ħsara ambjentali kif ukoll ikollu effett neġattiv fuq iż-żoni residenzjali tagħna.
Il-lezzjoni taz-Zonqor il-Gvern għadu ma tgħallimiex għax bħala riżultat ta’ din il-konsultazzjoni jista’ jiftaħ tieqa ġdida biex isir il-bini fejn m’għandux isir.
Din hi daqqa ta’ ħarta oħra għall-ambjent. Għax il-lezzjoni taż-Żonqor il-Gvern għadu ma tgħallimiex.