L-anzjani għandna nieħdu ħsiebhom fi ħdan il-komunitajiet tagħna

Fi stqarrija, kelliem għal ADPD-The Green Party wera t-tħassib tal-partit għal prattika li tintuża l-iskuża ta’ skop soċjali sabiex isir bini f’żoni agrikoli barra miż-żoni ta’ żvilupp.  ADPD-The Green Party jirreferi għal mill-inqas żewg proposti għal djar tal-anzjani waħda f’Ħaż-Żabbar u l-oħra f’Marsaskala, it-tnejn ‘l barra miż-żoni ta’ żvilupp.  

Il-kelliem tal-partit Mario Mallia qal:”Filwaqt li tappoġġja djar tal-anzjani fil-lokalità, ADPD tinsisti li għandu jsir sforz biex jiġu identifikati siti li huma fil-qalba tal-irħula mhux barra minnhom. Jekk irridu ninkludu l-anzjani, ma neżiljawhomx fil-periferija tal-irħula tagħna imma għandhom ikunu parti integrali mill-komunitajiet tagħna. Hekk jixirqilhom li jkunu, fi sfond ta’ politika ta’ inklużjoni li għandu jħaddan pajjiżna anke f’dan l-aspett.”.

ADPD-The Green Party jħoss li l-bini ta’ dawn il-facilitajiet f’żoni barra mill-iżvilupp huwa l-għażla l-facli jekk mhux ukoll opportunità għal sidien ta’ art f’ODZ biex isarrfuha fi flus bl-iskuża tal-ġid komuni.  Ninsistu li għandha l-ewwel tiġi mistħarrġa l-possibiltà li dawn id-djar isiru fil-komunitajiet f’żoni diġà żviluppati, jew f’żoni ta’ żvilupp biex ma tinqeridx iktar art agrikola prezzjuza.

L-art agrikola għandna bżonnha biex tintuża għall-produzzjoni tal-ikel kif anke hu rikonoxxut mill-politika tal-Gvern permezz ta’ regoli riċenti li ġew ippubblikati. Dan jistabbilieh saħansitra l-Pjan Strategiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED).

Mario Mallia qal li iktar minn hekk, il-gvern għandu jibda jinċentiva t-twaqqif ta’ koperattivi socjali anke fil-qasam tal-anzjani fil-komunità sabiex jinstabu soluzzjonijiet li jmorru lilhinn mill-formola ta’ djar għall-anzjani li drajna biha s’issa.

FacebookEmail