Fl-1 ta’ Awwissu 2025, l-aġenzija tal-gvern Infrastructure Malta tat direct order ta’ €6 miljuni għar-rikostruzzjoni tal-korsa magħrufa bħala tal-kwart ta’ mil f’Ħal Far. Fid-dawl ta’ din id-direct order ta’ miljuni kbar ta’ Euro, id-Deputat Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Carmel Cacopardo talab lill-Awditur Ġenerali jinvestiga jekk hux qed isir abbuż sfaċċat minn Infrastructure Malta. L-ittra hija riprodotta hawn taħt.
***
Sur Awditur,
Niġbed l-attenzjoni tiegħek li fl-edizzjoni tal-1 t’Awwissu 2025 tal-Gazzetta tal-Gvern (paġna 10338) ġie imħabbar li l-Aġenzija Infrastucture Malta tat Direct Order lill-Kumpanija Elbros Construction Limited in konnessjoni mar-rikostruzzjoni tad-drag racing strip f’Ħal Far għall-ammont ta’ €6 miljuni u dan apparti l-VAT.
Fid-dawl ta’ dak li jipprovdi r-regolament 151 tar-Regolamenti tal-2016 dwar l-Akkwist Pubbliku qed nitolbok biex tinvestiga din id-direct order u in partikolari jekk hux qed isir abbuż sfaċċat tar-regolamenti tal-akkwist pubbliku mill-Aġenzija Infrastructure Malta fil-ħruġ tad-direct orders.
Carmel Cacopardo
Deputat Chairperson – ADPD – The Green Party

