AD Extraordinary General Meeting

Jinbidlu l-uċuh imma l-affarijiet jibqgħu l-istess – Il-Malta Files – Vot Alternattiv, vot Nadif

Illum saret laqgħa ġenerali ta’ Alternattiva Demokratika li waqtha ġew approvati l-manifest elettorali u l-kandidati li se joħorġu ma’ AD fuq id-Distretti kollha. Il-manifest u l-lista tal-kandidati ta’ AD jinstabu f’dil-link: http://www.alternattiva.org.mt/candidates-2/

Id-diskors tal-għeluq tal-laqgħa ġenerali miċ-Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika, il-Prof. Arnold Cassola:

“Kollox jibqa’ l-istess Ikun hemm min ikun hemm fil-gvern, jitbiddlu l-partiti, jitbiddlu l-uċuh, iżda kollox jibqa’ l-istess.

Il-PN u l-PL qegħdin jikkonfermaw li t-tnejn huma favur il-kaċċa fir-rebbiegħa.  Aħna ngħidu bla tlaqliq li aħna kontra. Joseph Muscat irid inaqqsilhom il-multi. Simon Busuttil mhux biss issa qed jgħid li ivvota favur il-kaċċa, meta lill-ambjentalisti qalilhom bil-maqlub, talli qed jgħid li l-kaċċa fir-rebbiegħa hi ‘case closed’. Fil-waqt li aħna nirrispettaw ir-riżultat tar-referendum għalina l-każ ma jkunx magħluq sakemm il-kaċċa fir-rebbiegħa tieqaf.

Il-PN u l-PL jaqgħu fil-muta dwar il-boathouses illegali fl-Armier, fl-Aħrax tal-Mellieħa, f’San Tumas u postijiet oħra. Aħna ngħidu bla tlaqliq li dawn kollha jridu jitwaqqgħu.

Il-PN u l-PL jaqblu t-tnejn li għandha ssir il-mina bejn Malta u Għawdex.  Minkejja li lanqas għadu biss ġie ppubblikat studju ġeoloġiku wieħed, Simon jgħid li kif jitla’ fil-gvern jibbda jħaffer, u Joseph jwiegħed li sa 7 snin oħra tkun lesta.

Ilhom 9 snin jitmellħu bl-Għawdxin bil-wegħda ta’ fibre optic cable u fast ferry li ma rajnihomx b’nemes. Tant għadda malajr il-fast ferry li lanqas rajnieh. Aħseb u ara kif ser ilestu proġett tant ikkumplikat bħall-mina f’7 snin.

Aħna bla tlaqliq ngħidu li dan il-proġett enormi mhux sostenibbli għal pajjiżna, mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali.

Il-PN u l-PL t-tnejn jaqblu li għandha tinbena korsa tal-karozzi tat-tlielaq f’Malta.  Muscat irid isallab lir-residenti ta’ Mosta u Ħ’Attard bit-tniġġis ta’ ħsejjes u arja  b’korsa f’Ta’ Qali; Busuttil minflok jrid li jkunu ir-residenti ta’ Ħal Kirkop, Ħal Safi u l-madwar li jgawdu dan l-inkonvenjent minn korsa f’Ħal Far.

Aħna ngħidu bla tlaliq li minħabba iċ-ċokon ta’ pajjiżna ma hemm l-ebda lok għal ebda track ta’ dan it-tip fl-ebda parti ta’ pajjiżna.

U xi ngħidu għall-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna?  Ħlief l-Uffiċċju tal-Ombudsman u tal-Awditur, dawna spiċċaw biex jaqdu l-interessi tal-gvern tal-ġurnata u jieħdu l-ordnijiet mill-Prim Ministru tal-ġurnata.

Addio checks and balances u min jieħu l-gvern jieħu kollox: mill-BOV sal-Enemalta; mill-Kunsill tal-Isports sat-Teatru Manoel; mill-Water Services sa Monte Carmeliu Mater Dei; mill-Brigadier tal-Armata sal-Kummissarju tal-Pulizija.

L-affarijiet ma jistgħux jibqgħu sejrin hekk. Aħna qegħdin nipproponu fil-manifest tagħna li l-parlament għandu jieħu lura mingħand il-gvern il-poter li jaħtar l-għola karigi fl-istituzzjonijiet u aġenziji tal-istat wara smigħ pubbliku.

Korruzzjoni u l-Malta Files

U xi ngħidu għall-korruzzjoni? Lanqas naf minn fejn nibda.  F’50 sena iż-żewġ partiti li ħatfu kollox wassluna għal dan kollu.

Tafu li l-bieraħ ħarġu rapporti fil-media internazzjonali dwar is-servizzi finanzjarji ta’ Malta, ibbażati fuq dawk li qed jissejħu l-‘Malta Files’? Mijiet ta’ eluf ta’ dokument sigrieti dwar it-taħwid finanzjarju f’Malta mikxufin mad-dinja kollha. Tafu x’qed jgħid dwarna? Kumpaniji internazzjonali jużaw lil Malta bħala bażi tal-pirati. Malta bażi tal-pirati u l-piraterija għall-iskartar tat-taxxi fl-Unjoni Ewropea. Prosit kbira liż-żewġ partiti li fil-parlament approvaw liġijiet li ġabuna bejta tal-pirati. U tafu x’aktar qed jgħidu? U nikkwota: ‘Malta has become a target for firms linked to the Italian Mafia, Russian loan sharks and the highest echelons of the Turkish elite’ – il-mafja Taljana, l-użuraj Russi u l-elit Tork. Prosit immens!

Is-sitema PL u PN wasslet biex pajjiżna jikseb din ir-reputazzjoni tant ħażina. Araw f’hiex ġabuna. Sistema li wasslet għal abbużi sfrenati. Kunflitti ta’ interess lampanti u nuqqas totali ta’ mġieba etika. Ewlenin fosthom ma nistax ma nsemmix lil Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Imma l-maġġoranza tal-Maltin m’għandhomx x’jaqsmu mal-politiċi delinkwenti li jaħsbu biss fl-interessi tagħhom.

Vot Alternativ, vot nadif

Fil-pajjiz hawn eluf ta’ Maltin onesti.  Jekk xbajtu taraw lil Keith Schembri jmexxi lill-gvern minn imniehru. Jekk xbajtu mis-sistema li tħalli dan kollu jiġri. Jekk xbajtu mill-istituzzjonijiet dgħajfa apposta – iddisinjata hekk mill-PN u l-PL. Huwa biss vot għal Alternattiva Demokratika li jista’ jassigura li fil-parlament ikun leħen tar-raġuni. Leħen kontra l-korruzzjoni u tarka kontra l-abbuż mill-istituzzjonijiet. Illum għandkom opportunita, li ssaħħuna ħa nbiddlu l-istorja tal-pajjiż. Vot Alternattiv, vot nadif. Vote Green, vote clean.”

FacebookEmail