L-istorja għad tiġġudika l-effett inkalkulabbli tal-ħsara li saret lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna minn dawn Keith Schembri u Konrad Mizzi
F’konferenza stampa quddiem l-MFSA l-Imrieħel illum, iċ-Chairperson ta’ AD, il-Prof. Arnold Cassola, qal: “Dan l-aħħar attakk fuq is-sistema ta’ servizzi finanzjari Maltin huwa riżultat ieħor tal-attenzjoni li nxteħtet fuq Malta minħabba l-imġiba mhux etika ta’ politiċi u PEPs bħal Konrad Mizzi u Keith Schembri. L-istorja għad tiġġudika l-effett inkalkulabbli tal-ħsara li saret lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna minn dawn it-tnejn.”
“Madanakollu, rridu noqoghdu attenti li l-barranin ma japprofittawx rwieħhom mill-imġiba ta’ Konrad u sħabu biex jieħdu vantaġġ fuqna il-Maltin. Irridu nirribattu ineżattezzi li jsostnu dawn ir-rapporti, bħall-ħmerija li Malta hija xi ċentru offshore – ħaġa li mhijiex-, waqt li nirranġaw dawk in-nuqqasijiet fis-sistema biex ma jagħtux l-skuża lill-barranin biex niġu attakkati.”
“Huwa fatt li Bank dubbjuz bhall-Pilatus inghata licenzja fi tnax-il gimgha. Id-due diligence saret kif suppost jew le? Jekk ma sarx sew, dan għax kien hemm xi preferenzi favur dan il-bank jew dan ġara għax l-istaff u r-riżorsi tal-MFSA baqgħu dak li kien 10 snin ilu minkejja l-fatt li x-xogħol żdied bil-kbir? Jekk it-tieni motivazzjoni hija minnha, hemm bżonn li r-riżorsi tal MFSA, inkluż dawk umani, jiġu msaħħa immedjatament.”
“Li żgur qed jagħmlilna ħafna ħsara mal-barranin huwa l-fatt li ċ-Chairman tal-MFSA Bannister għandu kunflitti ta’ interess evidenti li għandu billi huwa Chairman tal MFSA u Deputat Chairman ta’ Finance Malta fl-istess ħin. Dawn iż-żewġ pożizzjoijiet huma inkompatibbli bejniethom. Aħna naqblu ma’ Evarist Bartolo li l-MFSA għandha jkollha Chairman li ma jagħtix lok għal suspetti rigward kunflitti ta’ interess”.
Il-kelliem ta’ AD Ralph Cassar qal:
”Għalina, l-akkuża tabilħaqq gravi tal-Malta Files hija dik li l-fiduciary services u n-nominee companies ta’ Malta, f’numru ta’ kazi, huma coverup għall-kriminalita’ organizzata barranija. Il-Gvern Malti għandu immedjatament jaħtar Bord ta’ Inkjesta indipendenti biex jivestiga b’mod serju dawn l-akkużi u jixħet dawl fuqhom. Ir-riżultati ta’ din l-inkjesta għandhom jiġu ppubblikati minnufih.
Aħna qed nitolbu li jkunu msaħħa r-regolaturi finanzjarji. Il-Bordijiet għandhom jinħatru mill-Parlament u mhux mill-Gvern u għandhom jinħatru għal perjodu fiss u li preferibilment ma jiġġeddidx u m’għandux ikun possibbli li jitneħħew sakemm mhux bil-kunsens ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi, u dan biex tissaħħah l-indipendenza tagħhom.”
“Dan għandu b’mod partikolari jgħodd għall-MFSA. Huwa essenzjali li b’mod kontinwu r-regolaturi finanzjarji jkunu indipendenti mill-gvern tal-ġurnata. Il-vantaġġi li ġew offruti tul is-snin lill-kumpaniji barranin reġistrati Malta biex ikollhom rifużjoni ta’ taxxa dovuta li titħallas qed tagħti libsa legali lill-evażjoni ta’ taxxa fuq skala
mhux żgħira. Hemm bżonn ta’ riforma serja biex Malta ma tibqax kompliċi dwar l-evażjoni tat-taxxa fuq livell Ewropew u Internazzjonali. Għaldaqstant ghandhom ikunu riformati l-liġijiet tat-taxxa, mhux biss biex din tkun iktar ġusta imma ukoll biex l-evażjoni tkun inqas possibbli.”