Viżjoni Ċara: Zero Carbon Malta sal-2050

Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’wieħed mil-aktar postijiet imniġġsa f’Malta, d-Deputat Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo, qal li gvern wara ieħor, u parlament wara ieħor naqsu milli jindirizzaw b’serjeta’ il-problema tat-traffiku u tat-tniġġis urban. Minflok il-partiti l-oħrajn jipproponu aktar toroq, aktar karozzi fit-toroq, aktar konġestjoni u bil-battibekki bejniethom donnhom iridu li jintuża aktar diesel, petrol, prodotti taż-żejt u fuels oħra li jniġġsu.

Alternattiva Demokratika qed tipproponi soluzzjoni dejjiema u fit-tul biex niggieldu l-bidla fil-klima bis-serjeta, biex inaddfu l-arja tal-bliet u l-irhula taghna u biex niggieldu d-degrad fiz-zoni urbani. Bhal diversi bliet, regjuni u anke pajjizi madwar id-dinja: mill-Izvezja, sal-Germanja, minn stati fl-Awstralja sa bliet fi Franza, AD tahdem ghal Malta Zero Carbon 2050.

Carmel Cacopardo qal li t-trasport hu magħruf li hu wieħed mis-sorsi ewlenin fil-kontribuzzjoni ta’ Malta għall-ġenerazzjoni tal-gassijiet serra, flimkien ma’ tniġġis iehor perikoluż li ma jidhirx.

“Alternattiva Demokratika qed tipproponi li jkompli l-investiment fit-trasport pubbliku liema investiment għandu jinkludi li dan it-trasport jopera bil-metan, b’biofuels sostenibbli, kif ukoll b’fuels estratti mid-drenaġġ u dan sal-2025.”

“Jkunu nkoraġġiti mezzi differenti ta’ trasport pubbliku, li jagħmlu użu minn sorsi nodfa ta’ enerġija, u dan minflok infieq f’toroq ġodda li ultimament iżidu t-tniġġis, il konġestjoni u t-traffiku. Il-vetturi l-kbar kollha jridu sal-2025 ikunu jaħdmu bil-metan jew biofuels sostenibbli. Wara perjodu tranżitorju raġjonevoli ta’ madwar 20 sena l-karozzi privati permissibbli fit-toroq ikunu biss dawk li jaħdmu bl-elettriku – bl-infrastruttura necessarja kollha.”

“Hemm bzonn jittieħdu l-miżuri amministrattivi neċessarji permezz ta’ titjib fl-infrastruttura tat-toroq u l-eliminazzjoni tal-ostakli burokratiċi ħalli jkun iktar faċli li jintużaw ir-roti u r-roti elettriċi. Ikun inkoraġġit li r-roti jintużaw biex persuna tmur għax-xogħol u għal dan l-iskop bl-għajnuna anke ta’ fondi Ewropej ikunu provduti showers u infrastruttura adegwata, fosthom toroq siguri għar-roti tul it-toroq (bypasses) ewlenin kollha, biex dan ikun possibbli – bicycle highways. L-inċentivar ta’ pedelecs jew roti elettrici, flimkien ma infrastruttura adegwata għalihom tkun prijorità.”

“Marbut ma trasport pubbliku hemm bzonn investiment kbir u mifrux f’iktar pedestrijanizzazzjoni biex jitnaqqsu l-karozzi minn żoni b’konġestjoni u tniġġis kbir mit traffiku. L-idea ta’ metro jekk implimentata tajjeb hija idea tajba, imma biex tkun success jehtieg li tkun marbuta ma pedestrijanizazzjoni ta’ zoni fejn s’issa hemm kongestjoni kbira u disincentivi li jintuzaw il-karozzi lejn zoni moqdija bil-metro.”

Il-kelliem ta’ AD, Ralph Cassar tkellem fuq il-qasam tal-energija. Qal li Alternattiva Demokratika qablet mal-bidla għall-użu tal-gass bħala sors ta’ enerġija għall-power station. Dan sar għal ħafna raġunijiet, fosthom it-tnaqqis fl-emmissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) mill-ġenerazzjoni tal-elettriku bin-nofs, u anke għax huwa sors ħafna aktar nadif mill-Heavy Fuel Oil. Il-Gvern Nazzjonalista qabel l-2013 ma kienx ipprepara għall-qalba għall-gass u ma kienx segwa b’serjetà il-possibiltà ta’ pipeline tal-gass. Il-qalba għall-gass mil-Gvern Laburista iżda tqajjem diversi mistoqsijiet – mhux l-anqas ix-xiri ta’ gass mingħand l-aktar gvern korrott fid-dinja, dak tal-Azerbajġan. Alternattiva Demokratika tenniet ukoll li ma kienx hemm biżżejjed ħsieb biex it-tanker tal-gass ikun f’post iktar sikur, barra l-port ta’ Marsaxlokk.

Ralph Cassar kompla:”Għal Alternattiva Demokratika l-gass huwa fuel ta’ tranżizzjoni, fit-triq lejn il-qalba għal sorsi totalment rinnovabbli ta’ energija sal-2050. Il-mira ta’ Zero Karbonju, jew enerġija nadifa 100% sal-2050 hija mira fattibbli. Hija mira li tfisser investiment f’teknoloġiji ġodda, li tfisser impjiegi f’oqsma ġodda. Tfisser li l-flus li jiġu ‘esportati’ lejn pajjiżi oħra jintefqu minflok f’Malta stess. Imma fuq kollox Malta Zero Karbonju 2050 tfisser, arja nadifa, anqas konġestjoni, lokalitajiet b’żoni ħielsa mit-tniġġis u aktar spazji għan-nies. Tfisser kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.”

Cassar qal li AD qed tipproponi: li kull bini ġdid ikollu stallati pannelli fotovoltajiċi biex ikun iġġenerat l-elettriku mix-xemx b’tali mod li l-binja tiġġenera l-elettriku kollu li tkun teħtieġ u b’hekk tkun carbon neutral. Dan flimkien ma’ stallazzjoni ta’ apparat li jipproduċi l-misħun mill-enerġija solari (solar water heaters); li l-bini pubbliku kollu, għandu fi żmien raġjonevoli jkollu stallazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi biex jiġġenera l-massimu possibli ta’ enerġija mix-xemx; li l-bini eżistenti kollu, safejn hu possibbli, għandu fi żmien raġjonevoli jkun mgħammar b’apparat li jiġġenera l-misħun mill-enerġija solari (solar water heaters) u pannelli fotovoltajiċi u għal dan l-iskop għandhom ikunu intensifikati l-isforzi u l-għajnuna finanzjarja biex dan ikun possibbli. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lil min hu l-iktar vulnerabbli.”

“Għandha tittejjeb is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku biex ikun possibbli li jogħla l-limitu ta’ enerġija ġġenerata mix-xemx li s-sistema tkun tista’ taċċetta; għandu jsir investiment fi floating solar panels possibbilment f’sistema combined li taħdem kemm bl-enerġija solari kif ukoll dik tal-mewġ; li għandu jkun hemm investment biex tkun iġġenerata l-massimu ta’ enerġija mid-drenaġġ kif ukoll mill-iskart li jiġġeneraw l-annimali fl-irziezet; li jsir investiment f’micro-wind turbines f’żoni industrijali u jsir pjan serju u fit-tul għal turbini tar-riħ f’żoni addattati offshore; li sal-2050, l-enerġija importata permezz tal-interconnector għandha tkun eskussivament minn sorsi rinovabbli.”

“L-istrategija tagħna Malta Zero Carbon hija strateġija serja. Saret bis-sehem ta’ diversi nies u anke seminar organizzat mill-fondazzjoni edukattiva ta’ AD, Fondazzjoni Ceratonia. Mhux qed nipproponu proposti nofs sajran, jew proposti ‘short-term’ iżda proposti li jagħmlu ġid lill-kwalita’ tal-ħajja tan-nies u jagħtu direzzjoni ekonomika fuq bażi soda u sostenibbli”, għalaq Carmel Cacopardo.

Malta Żero Karbonju 2050

FacebookEmail