Carmel Cacopardo jitkellem dwar Il-Partit Nazzjonalista u l-boathouses tal-Aħrax tal-Mellieħa.
Kummentarju imxandar fuq RTK nhar it-Tnejn 7 ta’ Diċembru 2015
Il-partiti politiċi fil-Parlament ħafna drabi ma jieħdux pjaċir jiftakru jew tfakkarhom fil-passat tagħhom. Jgħidulna biex il-passat inħalluh għax huma jridu jħarsu l-quddiem.
Hu obbligu tagħna li niftakru il-passat ukoll. Mhux biss għax il-passat hu l-mera tal-futur, imma, iktar minn hekk għax min il-bieraħ xejn ma ddejjaq jarmi l-prinċipji l-baħar, xejn m’hu ser jerġa’ jaħsibha biex għada (jekk ikollu l-opportunità) jerġa’ jagħmel l-istess.
Nhar il-Ġimgħa li għaddiet Simon Busuttil, il-Kap tal-Opposizzjoni, waqt id-diskussjoni organizzata mill-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja offra l-kooperazzjoni tal-Partit Nazzjonalista lill-Gvern biex jitneħħew l-irregolaritajiet tal-boathouses tal-Aħrax tal-Mellieħa.
Dam jaħsibha 25 sena l-Partit Nazzjonalista. Kellu iċ-ċans kollu tad-dinja biex mhux biss jitkellem kontra l-irregolaritajiet tal-bini, imma seta ukoll ineħħihom. Imma sfortunatament fis-siegħa tal-prova il-PN beża’ milli jimxi sewwa. Fis-siegħa tal-prova, l-PN l-prinċipji rmiehom il-baħar, għax beża’ li jitlef il-voti.
Tista’ allura teħodhom bis-serjetà meta jitkellmu b’dan il-mod? Donnhom għadhom jaħsbu li jistgħu jibqgħu jgħaddu n-nies biż-żmien.
Kellna ex-Ministru li xi snin ilu kiteb fil-gazzetti li hu (fil-bidu tas-snin 90) kien ressaq quddiem il-Kabinett proposta biex il-boathouses illegali fl-Aħrax tal-Mellieħa jitneħħew. Imma l-Kabinett dakinnhar ma qabilx.
Huwa konvenjenti għall-PN li issa jitkellem kontra l-boathouses tal-Aħrax tal-Mellieħa. Meta seta mhux biss jitkellem imma seta ukoll jieħu passi wasal għal ftehim magħhom bħalma għamel lejlet l-elezzjoni tal-2003. Dakinnhar għall-PN il-voti kienu iktar importanti mill-prinċipju li jimxi sewwa.
Minkejja dan kollu huwa ta’ sodisfazzjoni għal Alternattiva Demokratika li wara li ilha snin twal tikkampanja kontra l-bini illegali tal-boathouses fl-Aħrax tal-Mellieħa (Ramlet il-Qortin, l-Armier, Little Armier u t-Torri l-Abjad) issa anke l-Partit Nazzjonalista qed jgħid li kkonvinċa ruħu li ma jistax u m’ghandux jibqa’ jappoġġa dawn il-ħniżrijiet.
Ikun tajjeb, kieku l-Kap tal-Opposizzjoni Simon Busuttil jiddisassoċja ruħu mill-ftehim li kien għamel il-Partit Nazzjonalista qabel l-elezzjoni tal-2003 ma dawk li qegħdin fil-boathouses. Dak il-ftehim, tajjeb li niftakru, kien jipprovdi biex 26 ettaru (260,000 m2) ta’ art tal-Gvern fl-Aħrax tal-Mellieħa jgħaddu għand il-kumpanija Armier Developments Limited għal 65 sena (bi ħlas ta’ €366,000 fis-sena) biex ikunu żviluppati boathouses ġodda.
Hi ħasra li l-PN dam 25 sena biex fetaħ għajnjejh u ra d-dawl. Li fetaħom ftit snin ilu kien jagħmel ftit ġid. Issa sfortunatament il-ħsara laħaq għamilha.
Hu għalhekk li din il-konverżjoni ambjentali tal-Partit Nazzjonalista ma tikkonvinċi lil ħadd. Għax hi biss għal konvenjenza.