Wara dak li żvela l-Awditur Ġenerali dwar in-nuqqas ta’ kontrolli finanzjarji serji fl-MCAST, iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Sandra Gauci qalet:”Ilum filgħodu bħala partit tlabna lill-Awditur Ġenerali jinvestiga l-abbuż minn fondi pubblici li qed jirriżulta li sar fl-MCAST. Issa ħarġet l-aħbar li l-Awditur Ġenerali ilu ħafna jiftaħ għajnejn l-MCAST dwar in-nuqqasijiet fl-amministrazzjoni finanzjarja. Meta tara li l-Uffiċċju tal-Awditur Generali kien ilu jwissi li hemm nuqqasijiet kbar fis-sistema tal-payroll fl-MCAST u dawn it-twissijiet ħadd ma ta kashom kif jixraq, hemm bżonn li tintrefa’ r-responsabilità għal dak li wassal għas-sitwazzjoni tal-lum.”
“Il-Ministru kellu f’idejh ir-rapporti tal-awditur u kien jaf il-qaghda x’kienet. Hu fatt innegabbli li minn meta għamel it-twissijiet l-Awditur Ġenerali, jidher li ma nbidel sostanzjalment xejn. Kemm il-Ministru kif ukoll il-Bord tal-Gvernaturi jeħtieġ li jerfgħu r-responsabilità għal dan il-fatt. Aħna bħala ADPD-The Green Party nitolbu r-riżenja immedjata tagħhom, kemm tal-Ministru Clifton Grima kif ukoll tal-Bord tal-Gvernaturi. Dan l-alabiebiżmu mill-flus pubbliċi u mir-rapporti tal-Awditur Ġenerali juru li flok għandna nies li jibżgħu għall-flus pubbliċi jaraw kif se jikkapparrawhom għalihom personali.”
“Filwaqt li t-tfal fl-iskejjel tal-Gvern għadhom bla AC huma jiddandnu bil-handbags tad-ditta. Ma niskantax li hemm abbuż jew nuqqas kbir ta’ kontroll ukoll f’entitajiet oħra. M’għandniex bżonn dawn in-nies fit-tmexxija. Dawk li suppost jissorveljaw imma ma għamlux xogħolhom għandhom jitilqu issa!”


