Fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Aħdar. Jiswielek.

Fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fit-8 ta’ Ġunju 2024 li tivvota aħdar jiswielek. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-kandidati għall-Parlament Ewropew f’isem ADPD-The Green Party li indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet onlajn wara nofsinhar.

Sandra Gauci, li hija ukoll iċ-Chairperson tal-ADPD bdiet billi elenkat il-prijoritajiet tal-partit għal dawn l-elezzjonijiet. Hija semmiet li għandna naħdmu biex permezz tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, pajjiżna jtejjeb il-kwalita’ tal-ħajja. Fuq bażi Ewropea għandna nkomplu naħdmu biex is-solidarijeta’ u l-ugwaljanza jirrenjaw dejjem.

L-emerġenza tal-klima hija sfida serja għad-dinja kollha: fl-Ewropa u fil-Mediterran iktar. Fl-Ewropa għanda tiżdied l-imbuttatura għal enerġija rinovabbli li tfisser stabbilta’ fil-prezzijiet, arja nadifa, u xogħol ta’ kwalita’ lokalment. “Jiswielek li niġġieldu kontra t-tniġġiż u li niżguraw li kumpanijji multinazzjonali ma jibqgħux jiġu isussidjati biex jipproduċu ikel ta’ kwalità baxxa, imma li s-sussidji neċessarji u l-għajnuna teknika u xjentifika jmorru għand il-bdiewa żgħar lokali,” sostniet Gauci.

Jiswielek li tivvota biex naslu għal Patt Aħdar u Soċjali Ewropew, li jiżgura investiment f’servizzi pubbliċi b’saħħithom. Li jiżgura investiment Ewropew f’housing affordabbli, djar komdi li ma jaħlux enerġija, u trasport pubbliku nadif li jaqdi aktar il-ħtiġijiet tan-nies, lokalment u madwar l-Unjoni Ewropea. Għandu jkun hemm pjan ta’ investiment Ewropew f’industriji ħodor. 

Flimkien irridu garanziji ta’ Ewropa aktar u aktar demokratika, trasparenti u rappreżentattiva fejn id-drittijiet ta’ kulħadd jitħarsu u fejn ir-rispett lejn xulxin huwa s-sies ta’ soċjetà mlewna u b’saħħitha, temmet tgħid Gauci.

Dr Ralph Cassar, li huwa wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-ADPD, qal li jiswielek li inħarsu il-klima, li jkollna enerġija nadifa u rinovabbli f’Malta u għal Malta li twassal għal arja nadifa għal saħħitna. Jiswielek ukoll li inħarsu l-ispazju miftuħa u li jkollna baħar b’saħħtu u nadif. Jiswielek li jkollna biedja sostenibbli, ekonomija ħadra u li kull ftehim kummerċjali jiżgura il-protezzjoni tad-drittijiet soċjali, l-ambjent u il-klima, temm jgħid Cassar.

Sandra Gauci qalet li saqaf diċenti fuq rasna hu dritt, mhux lussu u li għalhekk hemm bżonn li housing affordabbli jkun il-prijorita’ fil-politika dwar l-użu tal-art. Jiswielek li jkollna edukazzjoni ta’ kwalita’ u servizzi tas-saħħa aħjar. Bħala Ħodor fil-Parlament Ewropej aħna se ninsistu fuq Ewropa soċjali fejn il-ħaddiema jingħataw paga minima li biha tista’ tgħix b’mod diċenti, jiġifieri living wage. Jiswielek li niġġieldu kontra l-korruzzjoni u li jkollna stampa ħielsa u indipendenti.

Mina Jack Tolu, li huwa wkoll it-Teżorier tal-ADPD qal li il-Ħodor fi ħdan il-Parlament Ewropej jaħdmu għall-ugwaljanza u kontra il-vjolenza. Għandu jkun hemm unjoni ta’ paċi, koperazzjoni u drittijiet tal-bniedem u l-iżviluppi li qegħdin iseħħu fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali għandhom ikun għas-servizz tal-bniedem.

Għal din l-elezzjoni l-ADPD għandu erba’ kandidati. Fuq il-karta tal-vot tagħkom sejrin ikunu bil-kulur AĦDAR: Dr Ralph Cassar, Rachelle Deguara, Sandra Gauci u Mina Jack Tolu.

FacebookEmail