Kummentarju imxandar fuq RTK nhar it-Tnejn 28 ta’ Marzu 2016
Meta fl-1989 twaqqfet Alternattiva Demokratika din ma kienitx intenzjonata bħala alternattiva għall-Partit Nazzjonalista inkella għall-Partit Laburista. Twaqqfet biex tinħoloq alternattiva għas-sistema ta’ żewġ partiti: alternattiva imsejsa fuq id-demokrazija, is-saltna tad-dritt, ir-rispett lejn id-drittijiet ċivili, u governanza serja imsejsa fuq it-trasparenza u l- kontabilità.
Tul dawn is-snin kollha Alternattiva Demokratika għamlet passi il-quddiem. Passi mhux żgħar għax rat partijiet sostanzjali mill-proposti politiċi tagħha isibu posthom ukoll fuq l-agenda politika nazzjonali, kif ukoll li jitwettqu u dan minkejja li s’issa għadu ma ġiex elett membru parlamentari wieħed mil-lista ta’ Alternattiva Demokratika.
BħaIissa fil-pajjiż għaddejjin diskussjonijiet biex l-ilħna differenti favur il-bidla reali fil-pajjiż jingħaqdu f’partit politiku wieħed u b’hekk joħolqu forza politika ġdida. Alternattiva Demokratika qed tipparteċpa f’dawn id-diskussjonijiet għax temmen li għandha rwol importanti biex l-enerġija u l-entuzjażmu ta’ dawk kollha li xebgħu minn sistema politika li hi dominata minn żewġ partiti jingħata leħen li jkun effettiv. Jekk dawn l-ilħna kollha jinġabru f’partit politiku wieħed flok ma jibqgħu sparpaljati, bla dubju jinstemgħu iktar.
Hemm diversi persuni minn kull qasam tal-ħajja li wrew interess f’dan il-proġett li nittama li jkun varat fi ftit tal-ġimgħat oħra.
Il-forma preċiża li din il-forza ser tieħu għadha mhiex ċara imma prinċipalment ser iġġib flimkien lill-Alternattiva Demokratika tal-lum mal-voluntiera li qed jinġabru madwar il-Membru Parlamentari Indipendenti Marlene Farrugia.
Bla dubju, dan il-proġett ser jibni fuq il-pedamenti b’saħħithom ta’ Alternattiva Demokratika li tul dawn l-aħħar 27 sena kienet il-leħen uniku fost il-partiti politiċi, favur il-ħarsien tal-ambjent u l-governanza tajba. Din il-forza l-ġdida imma ser jilħaq iktar nies li sa ftit taż-żmien ilu kienu għadhom qed jittamaw li s-sistema ta’ żewġ partiti tista’ taħdem fl-interess tal-pajjiż. Ħafna minn dawn issa qed jirrealizzaw li ġew imqarrqa jew ħadu żball kbir.
Dan il-pass ser ikun possibli minħabba li illum iktar nies qed jiftħu għajnejhom li hu fl-interess tal-pajjiż li jkun hemm leħen ieħor fil-Parlament. Leħen li jitwemmen.
L-indafa fil-politika ma tigix mix-xejn. Irridu naħdmu għaliha kuljum. Kif jista’ jkollok politika nadifa jekk il-paragun bejn il-partiti fil-Parlament ma jsirx fuq min hu l-iżjed nadif iżda fuq min hu l-inqas maħmuġ? Il-ġlieda favur l-indafa fil-ħajja pubblika hi iebsa. Hi ġlieda li ma tistax issir minn parlament magħmul minn żewġ partiti politiċi ta’ din il-kwalità. Għalhekk ukoll hemm bżonn it-tielet partit fil-parlament.