Rijabilitazzjoni Wied il-Qlejgħa u Wied Speranza – l-Uffiċċju tal-Ombudsman jinvestiga

Nagħmlu referenza għall-istqarrija tas-6 ta’ Settembru (https://adpd.mt/widien-rijabilitazzjoni-jew-ejja-ha-mmorru/) li fiha s-Segretarju Ġenerali ta’ ADPD-The Green Party Dr Ralph Cassar ħabbar li saret talba għal investigazzjoni lill-Uffiċċju tal-Ombudsman dwar ix-xogħol ta’ rijabilitazzjoni ta’ partijiet minn Wied il-Qlejgħa u Wied Speranza. It-talba saret biex l-Uffiċċju tal-Ombudsman jinvestiga jekk l-awtorità regolatorja, l-ERA, hux qed tissorvelja lill-entità responsabbli, Project Green, biex tara li x-xogħlijiet li qed isiru skont is-sengħa u skont prattiċi professjonali ta’ konservazzjoni u rijabilitazzjoni. 

It-talba tagħna ntlaqgħet.

Riprodotti hawn taħt: It-talba għall-investigazzjoni u r-risposta tal-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar fl-Uffiċċju tal-Ombudsman.

***

Ombudsman
Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar

Sur Kummissarju,

Qed niktiblek biex nitolbok tinvestiga l-proċeduri u l-kontrolli li qed jintużaw (jew ma jintużawx) mill-ERA fir-rijabilitazzjoni ta’ parti minn Wied il-Qlejgħa u Wied Speranza fil-limiti tar-Rabat u tal-Mosta rispettivament (PA 08068/22). Ix-xogħol fuq partijiet minn dawn il-widien għadu għaddej illum 04/09/2025.

Ix-xogħol qed jitwettaq minn Project Green, b’finanzjament ta’ 75% minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Jidher li x-xogħol mhux qed isir skont is-sengħa, u mhux skont prattiċi professjonali ta’ konservazzjoni u rijabilitazzjoni tal-widien jew żoni naturali oħra. Il-mod kif qed isir ix-xogħol jagħmel ħsara lill-bijodiversità tal-post. Jidher ukoll li qed jinkirsu l-kundizzjonijiet tal-ERA, imma milli jidher l-ERA stess ma ħaditx azzjoni fl-interess pubbliku. It-tneħħija ta’ speċi invażivi hija importanti għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, iżda l-metodoloġija użata hija daqstant importanti biex jitnaqqas l-impatt fuq speċi indiġeni fis-sit.

Il-kundizzjonijiet tal-ERA huma annessi. Nirreferi partikolarment għal kundizzjoni numru 1 u kundizzjoni numru 6. Fir-ritratti annessi jidher li qiegħed jintuża makkinarju goff u tqaxxret parti sew tal-wied.

Dejjem tiegħek,
Dr Ralph Cassar
Segretarju Ġenerali ADPD-The Green Party

***

Każ Nru CEP-25-6571

17 ta’ Settembru 2025

Issir referenza għall-ilment tagħkom dwar ir-rijabilitazzjoni ta’ parti minn Wied il-Qlejgħa u Wied Speranza fil-limiti tar-Rabat/Mosta.

Ngħarrfek li nfetħet investigazzjoni dwar il-każ kontra l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.

Insellimlek

Perit Alan Saliba
Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar
Uffiċċju tal-Ombudsman

FacebookEmail