L-għarfien tal-istat Palestinjan – messaġġ b’saħħtu imma mhux biżżejjed

Illum pajjiżi li għandhom siġġu fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, Franza u r-Renju Unit, u pajjiżi oħra fosthom Malta se jagħrfu lill-istat Palestinjan u għalhekk jiżdiedu mal-maġġoranza l-kbira tal-pajjiżi tad-dinja. Il-membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà, li jikkontrollaw id-deċiżjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti għandhom jerfgħu r-responsabilità għas-sitwazzjoni li ħolqu huma stess fil-Lvant Nofsani mill-1948 sal-lum. Huma responsabbli għas-sitwazzjoni f’Gaża, fix-Xatt tal-Punent, u f’Ġerusalemm tal-Lvant. Huma responsabbli għax naqsu illi jinfurzaw it-twettiq tal-liġi internazzjonali.

Iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party, Sandra Gauci qaliet:”Filwaqt li l-fatt, li l-għarfien tal-istat Palestinjan huwa importanti, din m’għandhiex tibqa’ biss azzjoni simbolika. Huwa ċar li l-gvern Iżraeljan qed iwettaq ġenoċidju f’Gaża. Netanyahu u l-ministri tiegħu nedew l-agħar operazzjoni militari li qatt dehret fil-Palestina kontra l-popolazzjoni ċivili, fejn ripetutament iddikjaraw ix-xewqa tagħhom li jeqirdu lill-Palestinjani f’Gaża, u iddeskrivewhom bħala annimali. Fl-istess ħin komplew l-oppressjoni, u l-kolonizazzjoni f’Ġerusalemm tal-Lvant, u fix-Xatt tal-Punent. Komplew il-vjolenza, s-serq tal-propjetà u l-politika tal-apartheid kif definit minn Human Rights Watch, Amnesty International, u organizzazzjonijiet Iżraeljani bħal B’Tselem. Gvernijiet Iżraeljani suċċessivi segwew politika espansjonista ta’ kolonizzazzjoni vjolenti permezz ta’ tkeċċija u esproprjazzjoni, u ta’ ħabs għal dawk li, ġustament, irreżistew il-kolonizazzjoni.” 

Is-Segretarju Ġenerali ta’ ADPD-The Green Party Dr Ralph Cassar żied:”Biex verament issir pressjoni fuq l-Iżrael għandhom jieqaf immedjatament il-bejgħ ta’ armi lill-Iżrael, inkluż minn vapuri rreġistrati Malta, inkulż li ma jitħalliex użu tal-facilitajiet ta’ trasbord fil-Port Hieles biex jitwasslu armamenti, tiħrax il-kampanja internazzjonali għal bojkott u divestiment ekonomiku, u li Malta tisħaq mal-UE għal sanzjonijiet politiċi u ekonomiċi biex tintemm l-impunità tal-gvern Iżraeljan u jiġu rispettati d-drittijiet tal-poplu Palestinjan. Il-gvern Malta għandu jkun ċar ukoll mal-Gvern tal-Lemin-Estrem Amerikan: l-appoġġ ta’ Trump għall-ġenoċidju huwa vili.” 

Biżżejjed tkaxkir tas-saqajn! Diġà tard wisq għal aktar minn mitt elf ċivili, li terz minnhom huma tfal. 

FacebookEmail