Il-kontroversja dwar iż-żrar fil-picnic area f’Ta’ Qali turi li meta żoni jintużaw għal skopijiet li ma jkunux maħsuba għalihom, bħal attivitajiet kummerċjali kbar tal-massa, se jkun hemm il-problemi li mhux la kemm issolvi malajr. U dan f’żona maħluqa artifiċjalment. Ftit ‘il-bogħod mill-hekk imsejjaħ ‘Park Nazzjonali’, widien naturali qegħdin suppost jiġu rijabilitati, iżda x-xogħol qed sisir bl-inġenji kbar, bi ħsara għall-wirt naturali tagħna.
Is-Segretarju Ġenerali ta’ ADPD-The Green Party Ralph Cassar innota li diversi esperti fil-qasam tal-konservazzjoni ikuntattjawh billi jinsabu mħassba dwar il-mod kif qed issir ir-rijabilitazzjoni tal-widien bil-gafef u nġenji kbar. Fil-fatt partijiet ta’ Wied il-Qlejgħa u Wied tal-Isperanza jidhru li tqaxxru minn kull veġetazzjoni bil-gafef, bi ħsara kbira għall-bijodiversità u l-wirt naturali tal-inħawi.
“Ktibna lill-Uffiċċju tal-Ombudsman biex jara jekk l-awtorità regolartorja, l-ERA, hux qed tissorvelja lill-entità responsabbli, Project Green, biex tara li x-xogħlijiet jsiru skont is-sengħa u skont prattiċi professjonali ta’ konservazzjoni u rijabilitazzjoni. Ma nistgħux nitilfu aktar mill-wirt naturali tagħna minħabba xogħol ħażin u traskuraġni. Project Green suppost kellhom jikkonċentraw fuq żoni urbani. Il-mod u t-teknika tal-konservazzjoni u restawrazzjoni ekologika (ecological restoration) hija għal kollox differenti minn kif isiru spazji fl-urban. Project Green mid-dehra dan ma tafux.”
***
Ombudsman
Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar
Sur Kummissarju,
Qed niktiblek biex nitolbok tinvestiga l-proċeduri u l-kontrolli li qed jintużaw (jew ma jintużawx) mill-ERA fir-rijabilitazzjoni ta’ parti minn Wied il-Qlejgħa u Wied Speranza fil-limiti tar-Rabat u tal-Mosta rispettivament (PA 08068/22). Ix-xogħol fuq partijiet minn dawn il-widien għadu għaddej illum 04/09/2025.
Ix-xogħol qed jitwettaq minn Project Green, b’finanzjament ta’ 75% minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Jidher li x-xogħol mhux qed isir skont is-sengħa, u mhux skont prattiċi professjonali ta’ konservazzjoni u rijabilitazzjoni tal-widien jew żoni naturali oħra. Il-mod kif qed isir ix-xogħol jagħmel ħsara lill-bijodiversità tal-post. Jidher ukoll li qed jinkirsu l-kundizzjonijiet tal-ERA, imma milli jidher l-ERA stess ma ħaditx azzjoni fl-interess pubbliku. It-tneħħija ta’ speċi invażivi hija importanti għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, iżda l-metodoloġija użata hija daqstant importanti biex jitnaqqas l-impatt fuq speċi indiġeni fis-sit.
Il-kundizzjonijiet tal-ERA huma annessi. Nirreferi partikolarment għal kundizzjoni numru 1 u kundizzjoni numru 6. Fir-ritratti annessi jidher li qiegħed jintuża makkinarju goff u tqaxxret parti sew tal-wied.
Dejjem tiegħek,
Dr Ralph Cassar
Segretarju Ġenerali ADPD-The Green Party


