Is-saħħa ma tikkonsistix biss fin-nuqqas ta’ mard. Inħarsu lejn is-saħħa b’mod olistiku. Għalhekk, hemm bżonn li nqisu s-saħħa minn aspett fiżiku, flimkien mas-saħħa mentali u l-kuntest soċjali u ambjentali. Ma nistgħux nifirdu s-saħħa mentali mis-saħħa tal-bqija tal-ġisem. Inħarsu lejn il-persuna sħiħa. Irridu li jiġi applikat il-kunċett ta’ ‘One Health’ fil-politika dwar is-saħħa.
Il-kelliem u l-kandidat fuq l-ewwel u d-disa’ distrett Mark Zerafa qal:”F’Malta s-servizz tas-saħħa hu ta’ kwalità. Madankollu jeħtieġ li nagħrfu dejjem aktar il-valur tal-prevenzjoni tal-mard. Għalhekk tajjeb li nħarsu lejn kif ngħixu sabiex nifhmu kif nistgħu intejbu saħħitna. Dan mhux biss iwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar, il-prevenzjoni ta’ mard tfisser ukoll domanda inqas fuq ir-riżorsi limitati tagħna, u b’ħekk nagħmlu użu aktar għaqli u effettiv minnhom. Fis-sena 2021 biss, per eżempju, 973 mewta setgħu ġew evitati bi stil ta’ ħajja aħjar u aktar san. Għalhekk ADPD – The Green Party jipproponi ħidma sabiex:
- Inkattru l-għarfien kemm fl-iskejjel, kif ukoll fost il-pubbliku dwar kif nistgħu ntejbu l-istil tal-ħajja tagħna sabiex inbegħdu l-mard billi nheggu konsum ta’ ikel ħieles minn zokkor u xaħmijiet żejda u minflok, aktar konsum akbar ta’ ħaxix u frott.
- Inwasslu għal bidla fil-mentalità ta’ dipendenza fuq il-vetturi privati tagħna u nagħżlu mezzi ta’ trasport li jniġġsu anqas. Dan hu ta’ ħtieġa qawwija għaliex t-tniġġis iwwasal għal kondizzjonijiet u mard respiratorji, filwaqt li hu magħruf li t-traffiku kaotiku hu ukoll ta’ ħsara għas-saħħa mentali.
- Nedukaw dejjem aktar dwar it-tipjip, li ukoll iwassal għal mard tal-qalb u kanċer. Tajjeb li noħolqu dibattitu dwar il-possibilità li niprojbixxu għal kollox il-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk lil persuni li twieldu wara ċertu data, bħal ma seħħ fir-Renju Unit riċentement.
- Inwasslu tagħlim dwar il-benefiċċji tal-attività fiżika. Dan jorbot ukoll minn disinn ta’ troq li jilqgħu n-nies biex dak li jkun jitħajjar jimxi aktar u juża mezzi bħar-roti għax iġossu aktar sikur.
- Nilqgħu għal mard infettiv tropikali li qiegħed jinfirex mal-Mediterran hekk kif il-klima tkompli tinbidel f’waħda tropikali.
- Iċ-ċokon tas-suq f’pajjiżna jfisser li numru ta’ mediċini innovattivi mhumiex aċċessibbli u li t-tobba jkollhom jirrikorru għal prodotti farmaċewtiċi alternattivi. Hemm bżonn li din is-sitwazzjoni nindirizzawha, speċjalment fil-kura tal-kanċer. Hemm bżonn ukoll aktar aċċess għal antibijotiċi magħrufin bħala narrow spectrum antibiotics, sabiex inrażżnu l-iżvilupp ta’ reżistenza għall-mediċina fost batterji li jikkawżaw infezzjonijiet serji.
- Tajjeb li nagħrfu l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom pazjenti li jbatu minn mard rari u serju. Il-mediċina għal dan it-tip ta’ mard tiswa ħafna flus. Dawn il-pazjenti jistħoqqilhom kull għajnuna sabiex jerġgħu jiksbu saħħithom, tiswa kemm tiswa.
- Tobba li jaħdmu għal rashom għandhom jingħataw aċċess għal aktar testijiet djanjostiċi li toffri s-sistema pubblika tas-saħħa, sabiex ikunu jistgħu jaqdu aħjar lill-pazjenti tagħhom.
Fuq is-saħħa mentali ċ-Chairperson ta’ ADPD u kandidat fuq distretti 6 u 12, Sandra Gauci qalet li l-ħajja mgħaġġla hi sors kontinwu ta’ stress u ansjetà.
“Pazjenti bi sfidi ta’ saħħa mentali jistħoqqlu trattament dinjituż. Għalhekk nisħqu dwar il-ħtieġa li mingħajr telf ta’ żmien, il-kura mentali tibda tingħata f’faċiltà ġdida u moderna fi ħdan l-isptar Mater Dei. B’dan il-mod, inkomplu nrażżnu l-istigma li spiss tifni lil min isofri minn kundizzjonijiet mentali. Sakemm isseħħ din it-tranżizzjoni, għandna nkomplu nieħdu ħsieb il-manutenzjoni tal-isptar Monte Carmeli.”
“Il-kura fit-tul għandha tingħata f’ċentri reġjonali sabiex il-pazjent jibqa’ viċin tal-komunità u l-qraba tieghu. Hemm bżonn ukoll li l-mużew f’Monte Carmeli li juri attrezzaturi li kienu jintużaw fl-imgħoddi għall-kura mentali jingħalaq darba għal dejjem, għaliex dawn l-esibizzjonijiet ikomplu jsaħħu l-istigma u ma jagħmlux ġid lill-pazjent.”
“Fl-istess waqt hemm bżonn urġenti li nkomplu nieħdu ħsieb l-ambjent urban tagħna, billi nżidu l-ispazji ħodor, innaqqsu t-traffiku u t-tniġġis akustiku, li lkoll huma fatturi magħrufin li jikkawżaw dannu għas-saħħa mentali.”

