L-Ewropa hija darna u l-futur tagħna. Imma, dan il-futur huwa mhedded. Il-politika neo-liberali u ta’ awsterita` qerdet il-ħajja ta’ miljuni u naqqret il-valuri fundamentali tagħna. Jekk irridu nippreservaw il-kisbiet tal-UE u nibnu fuqhom, dan huwa ż-żmien għal bidla fid-direzzjoni politika fundamentali u għat-tiġdid demokratiku tal-Unjoni Ewropea.
Biex inħarsu il-futur komuni tagħna rridu nibdlu l-Ewropa u nsaħħuha. Din hija r-raġuni għalfejn aħna l-Greens nemmnu f’aktar solidarjeta`, sostenibilita` u ġustizzja. Neħtieġu koperazzjoni ekonomika ġusta li tirrispetta r-responsabbiltajiet ekoloġiċi tagħna. Neħtieġu solidarjeta` fost u bejn il-ġnus tagħna. Neħtieġu demokrazija soda. Jeħtieġ li ngħixu l-valuri tagħna, imsejsa fuq ħelsien u liberta` kemm fuq livell lokali kif ukoll internazzjonali.
L-Ewropa hija importanti biex tinbena s-soċjeta` sostenibbli, demokratika u ugwali li nixtiequ naraw isseħħ. Aħseb ftit: Nikkalmaw il-forzi tas-swieq finanzjarji u korporazzjonijiet globali, niġġieldu b’mod effettiv l-evażjoni u l-frodi tat-taxxa, nibdlu s-sorsi ta’ enerġija fl-Ewropa biex nikkumbattu t-tibdil bla rażan fil-klima. Dawn huma kollha eżempji ta’ azzjonijiet urġenti li l-ebda pajjiż, lanqas l-ikbar fl-Ewropa, ma jista` jagħmilhom waħdu. Għandna bżonn koperazzjoni kollettiva fi ħdan l-UE biex nindirizzaw dawn il-kwistjonijiet b’mod effettiv.
Jekk intellgħu lil Arnold Cassola jew lil Carmel Cacopardo bħala MPE, aħna l-Maltin inkunu qed niksbu tlett għanijiet: inkunu qed inkissru darba għal dejjem il-mentalita` tribali taż-żewġ partiti li ilha toħnoq il-politika Maltija għal dawn l-aħħar 50 sena; ikollna iktar saħħa fl-Ewropa minħabba li l-poplu Malti ikun rappreżentat għall-ewwel darba fit-tielet grupp – Il-grupp tal-Greens- fil-Parlament Ewropew; inkunu qed nagħtu garanzija li diġa għaddiet mill-għarbiel ta’ trasparenza, kontabilita` u vuċi ta’ raġuni lil ċittadini u komunitajiet diversi.
Ikkuntattja lil:
Carmel Cacopardo fuq cacopardocarm@euroweb.net.mt
Arnold Cassola fuq arnoldcassola@gmail.com