Il-kelliem ta’ ADPD-The Green Party Brian Decelis u kandidat fuq it-tielet u r-raba’ distrett qal li il-fond imħabbar biex ir-restoranti jirċievu sa terz ta’ miljun kull wieħed biex itejbu l-azjenda kummerċjali tagħhom, huwa daqqa ta’ ħarta kbira għal residenti li ilhom snin twal isofru minħabba dawn l-istess azjendi.
Spazji pubbliċi li jittieħdu għal negozji kummerċjali u ħafna drabi b’estensjonijiet u żviluppi illegali issa se jkunu ukoll aġevolati b’dan il-fond. Dan żgur huwa każ ieħor fejn il-Partit Laburista qiegħed jiġi jaqa’ u jqum minn dak li jgħaddu minnu r-residenti f’diversi lokalitajiet bħal Tas-Sliema u l-Gżira, San Pawl il-Baħar, Marsaskala u oħrajn.
Kien ikun aktar għaqli kieku kien hemm fond li jindirizza kif il-kwalità tal-ħajja tar-residenti li joqgħodu speċjalment f’lokalitajiet turistiċi titjieb u jsir inforzar ta’ liġjiet eżistenti fejn jidħlu ħsejjes u inkonvenjenzi oħra.
Iċ-Chairperson ADPD-The Green Party Sandra Gauci (kandidat fuq is-sitt u it-tnax-il distrett) qalet li wara li kienet biss wara pressjoni li saret biex il-fondi relatati ma Storm Harry ma jitqassmux lil min kien qiegħed jopera illegalment, sopra corna bastonate issa l-Partit Laburista ħareġ b’din l-iskema ta’ fondi bl-iskuża li jittejjeb il-prodott turistiku.
Imma ir-residenti li ħafna drabi ilhom isofru inkonvenjenti kbar minn ħafna stabbilimenti kif se titjieb il-kwalita’ tal-ħajja tagħhom? Kif se jiġi assigurat li min jingħata dawk il-fondi sejjer jimxi b’rispett lejn id-drittijiet għas-serħan u l-kwiet ta’ darek?
Sfortunatement din hija skema oħra f’din il-kampanja elettorali fejn l-interessi kummerċjali jiġu qabel kull konsiderazzjoni oħra u fejn min jiflaħ jiġi aġevolat filwaqt li dawk li kemm jgħaddu minn xahar għall-ieħor jkollom jistennew xi ċekk miżeru minn żmien għall-ieħor.

