Il-laqgħa ġenerali ta’ ADPD tikkonferma l-kandidati u tapprova l-manifest elettorali

Aktar kmieni illum il-laqgħa ġenerali straordinarja ta’ ADPD-The Green Party ikkonfermat il-kandidati għall-elezzjoni ġenerali kif proposti mill-kumitat eżekuttiv tal-partit. Il-laqgħa approvat ukoll il-manifest elettorali ta’ ADPD ‘ilkoll.’

F’konferenza stampa wara l-laqgħa ġenerali Carmel Cacopardo, Deputat Chairperson ta’ ADPD, li ikkoordina t-tħejjija tal-manifest spjega l-ispirtu u l-viżjoni tal-manifest.

Carmel Cacopardo qal li t-titlu tal-manifest huwa ‘ilkoll’, kelma waħda li fiha tiġbor l-ispirtu u l-messaġġ tal-partit. “Fil-kelma ‘ilkoll’ nippreżentaw il-qalba tal-messaġġ, messaġġ ta’ solidarjetà.”

“Dan il-manifest li għandna quddiemna mhux lista ta’ offerti, qiesha xi kompetizzjoni bejn is-supermarkets. Hu viżjoni alternattiva li toffri proposta ta’ futur differenti li jirrispetta d-drittijiet ta’ kull wieħed u waħda minnha. Hu viżjoni mibnija fuq il-valur tas-solidarjetà, li nieħdu ħsieb xulxin. Wieħed mill-modi kif dan nagħmluh hu billi nħallsu t-taxxi li meta jinġabru huma strument effettiv ta’ ġustizzja soċjali. Imma, sfortunatament, il-messaġġ li qed jidwi madwarna tul kważi kull ġurnata ta’ din il-kampanja elettorali hu li t-taxxa hi kelma maħmuġa u li nistgħu ngħaddu mingħajr taxxi. Il-messaġġ li qed jasal hu wieħed ta’ tnaqqis sostanzjali ta’ taxxi. Fil-kuntest ta’ dejn nazzjonali li qed joqrob it-€12-il biljun, ċertament li mhux il-waqt ta’ tibdi sostanzjali fit-taxxi fl-iskala li qed jiġi suġġerit. Anke jekk iċ-ċifri juru li qegħdin fil-limiti permissibbli mir-regoli tal-UE.”

“Għalina iktar jagħmel sens li nibqgħu ninsistu fuq li tkun indirizzata d-diskrepanza bejn il-paga minima u dak meħtieġ għal għajxien diċenti: il-living wage. Dan jikkuntrasta mas-superbonus ta’ €1,000 propost għal kull persuna li taħdem.”

Cacopardo tkellem ukoll dwar tema oħra importanti, dik tal-ippjanar. “Fil-Manifest nitkellmu dwar diversi materji ambjentali. Dwar il-ħerba fl-ippjanar għall-użu tal-art u dwar l-Awtorità tal-Ippjanar li iktar milli tippjana saret fabbrika ta’ permessi.”

Qal illi l-pjani lokali li issa ilhom 20 sena li saru u jeħtieġ ukoll li jkunu aġġornati għar-realtajiet tal-lum. “Sadanittant ikun għaqli li jkollna moratorju kemm fuq żvilupp massiċċ kif ukoll fuq żvilupp ta’ bini għoli, u dan minħabba li l-impatt kumulattiv tagħhom qatt ma tkejjel u allura l-pjani lokali ma jilqgħux għal dawn l-impatti.”

Semma’ l-proposti tat-trasport permezz ta’ sistema BRT (Bus Rapid Transit) u wkoll l-importanza li tingħata fil-manifest is-saħħa mentali.

Għalaq billi spjega l-kapitlu tal-manifest dwar in-newtralità. “Il-politika ta’ newtralità kif miktuba fil-kostituzzjoni hi iktar newtralità militari. Mhix ċertament newtralità politika, għalkemm ir-rabta tal-kliem fl-artiklu 1 tal-kostituzzjoni mhux dejjem ċar. Huwa f’dan il-kuntest ta’ newtralità militari miktuba fil-kostituzzjoni li ma jagħmilx sens illi l-Parlament Malti, bis-serqa, fi ftit sekondi, matul il-leġiżlatura li għadha kif spiċċat, għażel li jissieħeb bħala membru assoċjat tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO. Deċiżjoni li tmur kemm kontra l-kelma kif ukoll kontra l-ispirtu tal-artiklu 1 tal-Kostituzzjoni li jiċħad kull assoċjazzjoni militari għal Malta tagħna. ADPD fil-Parlament jinsisti li din id-deċiżjoni titħassar bla dewmien.”

Iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Sandra Gauci min-naħa tagħha qalet li kuntrarju għall-oħrajn ADPD qed joffri politika ta’ servizz mibnija fuq governanza tajba, fuq trasparenza u kontabilità, fuq istituzzjonijiet b’saħħithom jittrattaw lil kulħadd ugwalment mingħajr distinzjoni. Qalet li ADPD huwa partit progressiv li jaħdem favur l-ugwaljanza, favur l-interessi ta’ kulħadd u mhux tal-ftit. ADPD lest nieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi favur iż-żgħażagħ, mhux niddefendu l-istatus quo u lil min jiflaħ iħawwel.

“Aħna nemmnu f’politika progressiva li titlob responsabbiltà minn kulħadd: responsabbiltà lejn xulxin u lejn l-ambjent tagħna. Għax il-ġustizzja soċjali u dik ambjentali ma jistgħux jinqasmu,  huma jiddependu fuq xulxin. Din hi l-politika tagħna: li dak li nipproponu u dak li nwettqu nagħmluh bl-aħjar mod possibbli. Il-politika Ħadra mhix kompromess ta’ interessi, iżda impenn kontinwu biex nagħmlu dak li hu sewwa, dejjem u f’kull ħin. Nimxu ’l quddiem flimkien, bla ma nħallu lil ħadd lura.”

“Min irid politika progressiva li tiġġieled għall-kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd, għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada għandu jivvota għal ADPD. Vera li t-triq mhix faċli. Hija mimlija sfidi, għax irridu niffaċċjaw interessi egoistiċi li jridu jżommu kollox kif inhu. Bħal f’kull elezzjoni ġenerali ADPD għandu kandidati fuq kull distrett. Vot għal ADPD huwa vota kontra l-interessi egoistiċi u favur politika Ħadra u progressiva”, temmet tgħid Gauci.

FacebookEmail