Nibqgħu nsemmgħu leħinna

Wara li l-Qorti iddeċidiet li ma tilqax ir-rikors ta’ ADPD – The Green Party dwar il-leġiżlazzjoni elettorali fil-Kostituzzjoni, ADPD tafferma li l-ġlieda tagħha biex kull vot jgħodd se tkompli. Iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Sandra Gauci tenniet li filwaqt li xtaqet deċiżjoni differenti li tixraq lil Malta f’għeluq il-ħamsin sena ta’ Malta Repubblika, din id-deċiżjoni mhux se taqta’ qalb il-partit li se jibqa’ jaħdem favur sistema li tirrispetta d-dritt demokratiku taċ-ċittadini kollha li jkunu rappreżentati. Id-diversità fil-politika hija garanzija ikbar għal tmexxija trasparenti u nadifa li taħseb għall-ġid komuni flok l-interessi tal-ftit. Sandra Gauci stiednet lil persuni ta’ rieda tajba biex jingħaqdu ma’ ADPD- The Green Party biex jintlaħaq dan l-għan.

Carmel Cacopardo, Deputat Chairperson ta’ ADPD qal li l-avukati tal-partit qed jaħdmu fuq appell li se jkun ippreżentat sal-ewwel ġranet ta’ Jannar 2025.

Cacopardo żied jgħid li hemm diversi argumenti fis-sentenza li hemm dubji serji dwar il-validità tagħhom. In partikolari ADPD tirrispinġi l-argument li bih mhux qed jingħata rimedju għal kunflitt fil-kostituzzjoni. Għandu jkun ċar li l-Kostituzzjoni ta’ Malta nnifisha hi soġġetta għar-rispett sħiħ lejn id-drittijiet tal-bniedem. Dan hu prinċipju sagrosant emfasizzat fl-ewwel artiklu tal-istess Kostituzzjoni fejn hu proklamat li Malta hi Republika demokratika bbażata fuq ix-xogħol u fuq ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem. Għaldasqstant insostnu li kull parti tal-kostituzzjoni li tikkonfliġġi mad-drittijiet tal-bniedem hi dubjuża fil-validità tagħha.

Sandra Gauci kkonkludiet billi qalet li biex tappella d-deċiżjoni quddiem il-qrati, ADPD għandha bżonn hafna rizorsi kemm umani kif ukoll finanzjarji. Għaldaqstant, tħeġġeġ lil persuni ta’ rieda tajba sabiex jikkontribwixxu peremzz ta’ kampanja ta’ ġbir ta’ fondi li ADPD se tniedi daqt. Dan jagħmilha possibbli li din l-insistenza favur id-demokrazija, tkun tista’ tissokta. Il-qagħda mwera ta’ pajjiż mifni minn saltna tad-dritt imnaqqra, b’korruzzjoni u klijentelżmu li ġew normalizzati, tagħmilha iktar urġenti li jkun hemm vuċijiet oħra fil-parlament li jaħdmu favur kontabilità u etika fil-politika, politika favur is-sostenibbilità u pajjiż li jindokra tabilħaqq il-benesseri ta’ kulħadd.

FacebookEmail