Ilbieraħ il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar approva l-mozzjoni ta’ Sandra Gauci, kunsilliera ta’ ADPD-The Green Party fuq il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, u Chairperson tal-partit, liema mozzjoni ssejjaħ biex il-Kunsill jitlob formalment lill-gvern jgħaddi t-taxxa fuq it-turisti li jkunu f’akkomodazzjoni fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar direttament lill-Kunsill Lokali.
Sandra Gauci tenniet li m’hemm l-ebda dubju li San Pawl il-Baħar hija lokalità li tħoss ħafna l-impatti tat-turiżmu tal-massa. Sandra Gauci qalet li ADPD-The Green Party jinsisti li hemm bżonn urġenti li nsostnu lill-Kunsilli Lokali fl-isforz biex inħarsu l-kwalità tal-ħajja fil-lokalitajiet tagħna. Il-gvern jista’ jibda billi jgħaddi t-taxxa fuq is- sodod turistiċi direttament lill-Kunsilli Lokali, minflok essenzjalment ma jtiha lura lis-settur stess. Barra minn hekk għandu jneħħi l-capping redikolu ta’ €5, u jikkunsidra jżid r-rata wkoll redikola ta’ 50 ċenteżmu kuljum għal rata li tagħmel sens u bbażata fuq l-impatti tat-turiżmu fuq il-lokalitajiet tagħna.
Il-Kunsilliera Laburisti, iddeċidew li mhux biss jivvotaw kontra l-mozzjoni, iżda għażlu li jinfexxu fi strobju u tgħajjir. Mil-lenti tagħhom kull proposta jarawha bħala xi attakk fuq il-gvern u l-Partit Laburista. Mhux kapaċi jiddiskutu, u mhux kapaċi jġibu ruħhom bħan-nies waqt seduti uffiċċjali tal-Kunsill Lokali. Dan hu mod pwerili kif issir il-politika lokali. Minkejja l-bsaten fir-roti u t-tgħajjir tal-Labour Sandra Gauci se tkompli tagħmel proposti fl-interess tal-lokalità li tirrapreżenta.
Issa jmiss lill-gvern jagħti r-reazzjoni tiegħu għat-talba formali tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, u juri jekk jirrispettax jew le d-demokrazija lokali. Wisq nibżgħu li bħal f’oqsma oħra l-gvern irid iżomm kontroll strett u jiddetta hu kif irid lill-Kunsilli joperaw minflok isaħħaħ id-demokrazija lokali.
***
MOZZJONI
Billi din il-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar hija lokalità kbira,
Billi l-lokalità hija wkoll żona turistika u l-popolazzjoni tal-lokalità tiżdied b’mod drastiku speċjalment fix-xhur tas-sajf anke b’residenti staġjonali,
Billi l-fondi tal-manteniment tal-lokalità huma limitati,
Billi l-Kunsill bir-riżorsi tiegħu limitat kemm jista’ jżid it-tindif tat-toroq, il-manutenzjoni, l-ġbir tal-iskart u t-tiswijiet meħtieġa,
Billi t-turiżmu qed iħalli effett negattiv fuq il-komunità ta’ San Pawl il-Baħar,
Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jitlob formalment lill-Gvern biex l-eko-taxxa li jħallsu t-turisti li joqgħodu f’akkomodazzjoni turistika fil-konfini tal-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar li s’issa tmur għand l-Awtorità tat-Turiżmu tibda tgħaddi għand il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Dan sabiex l-impatti fuq il-lokalità jkunu jistgħu jiġu mmaniġġjati aħjar.


