ARMS: Propaganda rħisa mimlija ineżattezzi dwar l-elettriku

Dan l-aħħar jiem qed nirċievu fi djarna ittra mingħand il-kumpanija li toħroġ il-kontijiet tal-elettriku u l-ilma tal-gvern ARMS Ltd. ARMS Ltd. hija mmexxija minn kandidati, uffiċċjali u attivisti Laburisti. Huwa ċar kristall li l-uniku raġuni li dawn tpoġġew hemm, minbarra bħala rigal tal-appoġġ tagħhom lill-partit, huwa biex iwasslu propaganda tal-gvern. F’dal-pajjiż kollox jgħaddi u għalhekk l-ARMS u l-impjegati tagħha jintużaw biex jibgħatu ittri dwar is-suppost iffrankar tal-flus grazzi għas-suppost benevolenza tal-gvern. Forsi l-partitarji Laburisti li jmexxu l-ARMS, biex jagħtu informazzjoni sħiħa, misshom ifakkruna dwar il-€5000 kuljum li ħadu l-eks-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi u l-eks chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri.

Iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Sandra Gauci qalet:”Mhux kulħadd jibla’ r-ross bil-labra. Ir-realtà hija li l-gvern qed juża flusna stess, anzi qed iżid id-dejn nazzjonali b’mod massiv billi jagħti sussidji lil min jaħli  u lil min jiflaħ minn fuq daharna. Is-suppost ‘iffrankar fil-kontijiet’ se jkollna nħallsuhom ilkoll f’xi waqt jew ieħor. X’aktarx jitħallsu billi jsir eżerċizzju ta’ cost cutting li jaffettwa servizzi essenzjali għal kulħadd. Dan is-sussidju lil min jaħli qed jikkontribwixxi għaż-żieda tad-dejn nazzjonali li issa qabez il-11-il biljun euro: €11,000,000,000.”

Is-Segretarju Ġenerali ta’ ADPD-The Green Party Ralph Cassar qal:”Minn ċifri pubbliċi, fl-2022 il-gvern nefaq, minn flusna stess fuq sussidji fuq l-enerġija (li jinkludi l-petrol u d-dijzil) madwar €472.5 miljuni f’sena. Fl-2023 jidher li ntefqu €227 miljuni, fl-2024 ġew allokati €320 miljun u fl-2025 €152 miljun. Wasal iż-żmien li filwaqt li jinżammu l-bands affordabbli għal min juża l-elettriku bilgħaqal, dawk li jużaw bl-addoċċ jerfgħu l-piż huma minflok inħallsu għalih aħna lkoll permezz tad-dejn. Dejn li mhux investiment fil-futur iżda litteralment ħruq tal-flus.” 

“Infakkru li l-Bank Ċentrali ta’ Malta f’Lulju ta’ din is-sena talab bl-aktar mod ċar ‘exit strategy’ fuq is-sussidji lil kulħadd (blanket subsidies). Il-Bank għamel proposti simili għall-proposti tagħna, li jibqgħu u jkun hemm tariffi soċjali iffukati minflok sussidji lil min jaħli. Talab ukoll tisħiħ ta’ sussidji ffukati fuq enerġija ħadra. Kieku l-flejjes li ntefqu bl-addoċċ biex jinxtraw il-voti ta’ min huwa rresponsabbli intużaw għal investiment fit-tul u sapport iffukat kieku mxejna ħafna aktar ‘il quddiem biex ninfatmu mis-suq instabbli tal-enerġija. Kieku mxejna ħafna aktar lejn ekonomija moderna żero-karbonju. Kieku ħloqna aktar impjiegi f’teknoloġiji nodfa u mxejna ħafna aktar lejn reżiljenza ekonomika fit-tul. Dan mhux biss kliemna, iżda kliem il-Bank Ċentrali ta’ Malta.”

FacebookEmail