Il-Gvern Malti, dwar il-Palestina, jgħid ħaġa u jagħmel oħra. Filwaqt li xi kultant jitkellem favur il-Palestina u l-Palestinjani, f’dawn il-jiem meta ġieh ċ-ċans li jieħu azzjoni fil-konkret favur il-Palestinjani li qed jinqatlu bil-ġuħ mill-Gvern Iżraeljan m’għamel xejn. Lanqas biss qed iħalli vapur bi provisti għal Gaza li ġie attakkat minn drones ħdejn Malta jidħol f’ibħra territorjali Maltin. Mhux aċċettabbli li min qed jisfida lill-imblokk atroċi ta’ Gaza jitħalla mingħajr għajnuna. Mhux aċċettabbli li l-gvern jagħlaq għajnejh għall-oppressjoni u l-ġenoċidju tal-Palestinjani, kemm f’Gaza u kemm fix-Xatt tal-Punent. Diversi aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti huma ċari, li l-azzjonijiet tal-gvern estremist u razzist Iżraeljan għandhom il-karatteristiċi kollha ta’ ġenoċidju, inkluż qtil sistematiku u qerda u serq tal-art Palestinjana. Dan qaluh kelliema ta’ ADPD-The Green Party fi stqarrija wara l-aħħar aħbarijiet inkwetanti ta’ atrotiċajiet ġejjin mill-Palestina, kif ukoll wara attakk fuq vapur tal-Gaza Freedom Flotilla.
Iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Sandra Gauci qalet li minnufih il-Gvern Malti “għandu jirrikonoxxi l-istat tal-Palestina bħala stat demokratiku u sovran. Malta għandha tieħu bħala missjoni tagħha li tippromwovi l-għarfien tal-istat tal-Palestina mal-istati l-oħra membri tal-Unjoni Ewropea, bi sħab ma’ dawk l-istati l-oħra li diġà għarfu l-istat sovran tal-Palestina. Malta, ma’ pajjiżi oħra Ewropej għandha tippromwovi u tappoġġja l-forzi demokratiċi fil-Palestina.”
“Il-Gvern Malti għandu wkoll jesiġi bl-aktar mod ċar f’kull okkażżjoni internazzjonali u f’fora multilaterali l-waqfien mill-ġlied fil-Palestina, il-ħelsien tal-ostaġġi li qegħdin f’idejn il-Ħamas, li tingħata għajnuna umanitarja u li Iżrael jieqaf juża l-ġuħ bħala arma kontra l-popolazzjoni Palestinjana. Il-Gvern Malti għandu jesiġi r- rispett tal-waqfien mill-ġlied fil-Libanu u r-rispett totali tad-dritt internazzjonali. Il-Gvern Malti se jitlob għal solidarjetà tal-Unjoni Ewropea fid-dawl tal-fatt li l-Iżrael wettaq attakk f’ibħra viċin stat membru? Ħa jitlob garanziji għas-sigurtà ta’ Malta u ta’ vapuri ta’ organizazzjoni umanitarja? Mid-dehra se nibqgħu nistennew.”
Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali ta’ ADPD – The Green Party qal li Malta għandha tkun ċara fuq il-kwestjoni tal-Palestina biex tkun kredibbli fil-qasam internazzjonali. Minflok il-gvern jgħid ħaġa u jagħmel oħra. “Għandna nagħtu sapport lill-Pjan Għarbi għal bini mill-ġdid u t-tmexxija ta’ Gaza. Għandna nikkundannaw kull forma ta’ tkeċċija tal-Palestinjani minn Gaza u mill-Ċisġordanja. Għandna wkoll ninsistu mal-UE li jiġi sospiż immedjatament kull forniment jew awtorizzazzjoni ta’ bejgħ ta’ armi lill-Iżrael mill-istati membri tal-Unjoni Ewropea. L-UE m’għandhiex tkun kompliċi mal-oppressjoni. Għandna nsostnu li l-Unjoni Ewropea ddaħħal mill-aktar fis sanzjonijiet fil-konfront tal-Gvern Iżraeljan talli b’mod sistematiku kiser id-dritt internazzjonali.”
ADPD-The Green Party isejjaħ lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ian Borg biex jiżgura li Malta tkun minn ta’ quddiem biex tesiġi s-sospensjoni tal-ftehim UE-Iżrael, u biex jiġu fis-seħħ il-mandati ta’ arrest li ħarġu mill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fil-konfront tal-Prim Ministru Netanyahu u l-Ministru Gallant. Fid-dawl tal-azzjonijiet kundannabbli u immorali tal-lemin-estrem kemm f’xi pajjiżi tal-UE, kif ukoll fl-Istati Uniti għanda nsostnu kemm fl-Ewropa kif ukoll internazzjonalment il-leġittimità tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja. Fl-aħħar mill-aħħar wara l-attakk viċin Malta, l-ewwel attakk bil-missili jew armamenti oħra (did-darba permezz tad-drones) fuq vapur bi provisti umanitarji f’Hurd’s Bank mit-Tieni Gwerra Dinjija, jekk il-Gvern Malti huwa verament denju ta’ gvern ta’ pajjiż sovran għandu jitlob azzjoni immedjata fuq Iżrael mill-UE biex il-liġi internazzjonali tiġi osservata. Ta’ għajb kif il-Gvern Malti u anke l-Kummissjoni Ewropea baqgħu fil-muta dwar it-theddida ta’ Iżrael għas-sigurtà tagħna.