Dalgħodu rajna fuq il-portals tal-aħbarijiet filmat tat-tkexkik li juri nassab b’mod kiesaħ u biered jgħaffeġ taħt saqajh spanjulett (common kestrel, Falco tinnunculus), speċi protetta bil-liġi.
Mark Zerafa, uffiċċjal ta’ ADPD-The Green Party qal: “Nikkundannaw mingħajr ebda riżerva dan l-att ta’ moħqrija bla sens fuq din it-tajra u l-qerda tal-fawna Maltija, wirt naturali tagħna kollha. Dan l-inċident juri biċ-ċar il-bżonn ta’ aktar sorveljanza fil-kampanja permezz ta’ aktar pulizija speċjalizzati bis-sapport u-riżorsi kollha li dawn jeħtieġu.”
“Minkejja dak li tipprovdi l-liġi, kif ukoll t-twissijiet mill-Kummissjoni Ewropea kontra l-insib, il-gvern kompla jippermetti din il-prattika u saħansitra jivvalidaha billi joħroġ liċenzji ġodda; dan jagħti sens ta’ impunità lill-bosta nassaba u kaċċaturi, li jħossu li huma ‘l fuq mil-liġi. Il-Gvern għandu minnufih jagħti prijorità lill-bijodiversità, l-protezzjoni tal-ambjent u l-liġijiet u t-trattati internazzjonali minflok l-interessi partiġġjani. Il-gvern kieku jitkellem bi kliem sabiħ dwar il-wirt naturali Malti, per eżempju fil-Malta Vision 2050. Imma bejn il-kliem u l-fatti hemm il-baħar jikkumbatti.”
“Nagħrfu b’sodisfazzjon l-azzjoni immedjata tal-pulizija li qed jaħdmu taħt pressjoni kbira biex jippruvaw ilaħħqu mal-ksur sfaċċat tal-liġijiet ambjentali.”

