Logħob bid-drittijiet tal-bniedem huwa perikoluż

u jimmina l-kredenzjali demokratiċi tal-pajjiż

Iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Sandra Gauci u s-Segretarju Ġenerali Dr Ralph Cassar qalu l-Prim Ministru Robert Abela għandu jiċċara l-ħsibijiet tiegħu dwar il-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Fissru li logħob bid-drittijiet umani huwa perikoluż ħafna.

Ir-rapport fil-Malta Today u s-Sunday Times ilbieraħ (23 ta’ Marzu) dwar kliem li ntqal mill-Prim Ministru Robert Abela fi Brussell, fil-kuntest ta’ summit ta’ mexxejja tal-Unjoni Ewropea huwa ta’ tħassib kbir. Robert Abela huwa rrappurtat li qal li jrid jiftaħ għad-diskussjoni l-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa meta Malta tieħu l-presidenza tal-istess Kunsill tal-Ewropa f’Mejju li ġej.

Dan jikkuntrasta ma’ dak li qal il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ian Borg li kien qal li l-prijoritajiet ta’ Malta huma ż-żgħażagħ, protezzjoni tat-tfal, il-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni, u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. 

Huwa ferm perikoluż jekk il-Prim Ministru qed jipprova jintgħoġob billi jallinja ruħu mal-lemin-estrem u neo-faxxista, bħal Meloni u Salvini fl-Italja, Orban fl-Ungerija, l-lemin-estrem Olandiż. Ikun ta’ għajb kbir jekk waqt il-presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Ewropa jinfetħu l-bibien biex il-ħelsien li jagħtu d-drittijiet tal-bniedem lilna lkoll b’xi mod jitnaqqru. Ikun ta’ għajb tassew jekk il-Prim Ministru jiftaħ il-bibien għall-mibgħeda, gideb u attakki fuq il-libertajiet tal-bniedem mil-lemin-estrem.

FacebookEmail