Lejn kunsilli b'direzzjoni

Wara li l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema ġie xolt, iddeċidejt li nerġa’ noħroġ għall-elezzjoni li se ssir f’Marzu 2012 f’din il-lokalità.

Jien kont nifforma parti minn dan il-Kunsill bejn l-2003 u l-2009, u ħdimt tajjeb ma’ kunsilliera oħra. B’ħafna insistenza, sħaqt li l-Kunsill idaħħal kultura ta’ konsultazzjoni mar-residenti u għall-ewwel darba, permezz ta’ proposti tiegħi, il-Kunsill beda jieħu pożizzjoni dwar żvilupp insostenibbli, u dan kemm-il darba sar b’suċċess.

Eżempji ta’ dan huma r-rebħiet kontra żvilupp fil-Pjazzetta, fix-Chalet u fil-ġnien ta’ Qui-si-sana. Iffokajt ħafna fuq l-iskemi tar-riċiklaġġ, it-tisbiħ tal-ispazji miftuħa, u infrastruttura li tkun aċċessibbli. Ħdimt ukoll biex isiru aktar attivitajiet kulturali u biex il-Kunsill juża enerġija nadifa. Sħaqt ukoll fuq is-serjetà fil-finanzi.

M’iniex se nkun l-uniku kandidat ta’ Alternattiva Demokratika fl-elezzjonijiet ta’ Marzu li ġej. AD se jkollha numru sabiħ ta’ kandidati f’numru ta’ lokalitajiet, li fost oħrajn jinkludu Ħ’Attard, fejn se jerġa’ joħroġ il-kunsillier Ralph Cassar, u oħrajn bħal San Ġiljan, il-Mosta, is-Swieqi, Ħal Qormi, San Pawl, il-Ġżira, u Ħal Balzan.

Kull lokalità għandha l-istorja u l-ħtiġijiet tagħha. Per eżempju, fil-Mosta, il-Kunsill Lokali preżenti hu iktar ikkaratterizzat minn ġlied intern milli li jieħu pożizzjoni ċara fuq kwistjonijiet importanti bħall-iżvilupp qerriedi f’Wied il-Għasel. Għal iktar tagħrif dwar dan l-iżvilupp, nistieden lill-qarrejja ta’ IL-ĠENSillum online sabiex jidħlu fis-sit http://www.it-tarka.com/ u jiffirmaw il-petizzjoni li s’issa ġabret eluf ta’ firem.

L-AD qed tisħaq li kunsilliera eletti f’isimha se jkollhom program ċar li jiffoka fuq aspetti soċjali, ambjentali u kulturali fost oħrajn. Se jisħqu għall-kultura, l-identità tal-lokal, u sens ta’ komunità; għal attivitajiet sportivi, mixi u saħħa u għal spazji pubbliċi li jibqgħu pubbliċi lil hinn minn żvilupp bla rażan. Se tingħata prijorità għal aċċess għas-servizzi minn persuni vulnerabbli u f’riskju ta’ faqar.

Kunsilliera ta’ AD se jagħtu prijorità għall-bżonn ta’ iktar ġonna pubbliċi attrezzati b’apparat modern u sigur; u għal aċċessibbilta sħiħa għal persuni b’diżabilità, anzjani, tfal, u ġenituri bi tfal żgħar.

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ ġbir tal-iskart, Alternattiva Demokratika qed tisħaq li skemi u inizjattivi ta’ riċiklaġġ għandhom jiġu mifruxin fuq iktar oġġetti u materjal.
Kunsilliera eletti ta’ AD se jaħdmu wkoll għal toroq u bankini b’xogħol professjonali u mhux bl-addoċċ, u ser jaħdmu għal limitu ta’ veloċità baxxa, bħal f’lokalitajiet oħra Ewropej, f’żoni residenzjali biex tiżdied is-sigurtà fit-toroq.

Sigurtà fit-toroq u infrastruttura aċċessibbli huma tassew kwistjonijiet importanti fil-ħajja ta’ kuljum tar-residenti. Per eżempju, ħafna mit-toroq u bankini f’Malta huma ta’ kwalità inferjuri, għad-detriment tal-persuni mexjin fit-triq, sewwieqa, persuni b’diżabilità, tfal u l-anzjani, ġenituri bil-pushchairs, u oħrajn.

Ġestjoni ħażina minn Transport Malta u bosta kunsilli qed tħalli kuntratturi tal-bini jagħmlu xogħol ta’ kwalità inferjuri, per eżempju billi jużaw materjal ħażin għall-kisi tat-toroq
u bini ta’ bankini, u billi jitħallew jgħabbu t-trakkijiet b’piż żejjed li jagħmel ħsara kbira lit-toroq u l-bankini.

S’issa, Transport Malta għadha ma ppubblikatx il-lista ta’ kontravenzjonijiet kontra t-trakkijiet tat-tagħbija li qegħdin jagħmlu l-ħsara lit-toroq u l-bankini.
Hawn min jgħid li kunsilliera minn kwalunkwe partit jistgħu jaħdmu għall-ġid tal-lokalità tagħhom. M’għandix dubju dwar dan. Iżda fl-istess ħin, wieħed għandu jammetti wkoll li għall-kuntrarju ta’ partiti oħrajn, AD m’għandhiex obbligazzjonijiet ma’ interessi bħal żviluppaturi kbar.

Għalhekk, filwaqt li noffri l-isbaħ xewqat lill-kandidati kollha għall-elezzjonijiet ta’ Marzu li ġej, nawgura li AD ġġib riżultat tajjeb sabiex il-kunsilli jingħataw direzzjoni iktar ambjentali, soċjali u inklussiva.

Michael Briguglio

Link dirett – http://mikes-beat.blogspot.com/2012/02/lejn-kunsilli-bdirezzjoni.html

Il-Gens Illum 4 ta’Frar 2012
http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=13204

FacebookEmail