Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali ta’ Alternattiva Demokratika issottometta il-kummenti tal-partit għall-konsultazzjoni dwar l-istrateġija għall-Belt Valletta.
Fis-sottomissjonijiet tagħha AD tisħaq li fil-kuntest tal-istatus tagħha ta’ Belt Patrimonju Universali tal-UNESCO, barra dak li jsir fil-Belt Valletta innifisha huwa importanti ħafna ukoll x’tip ta’ żvilupp isir barra mill-Belt Valletta li jista’ jkun ta’ detriment għad-dehra tagħha. Eżempji ta’ żvilupp bla ħsieb li ġa għamel ħsara lill-Belt Valletta huma, per eżempju, il-bini tal-hangar militari li nbena quddiem is-swar f’Sa Maison u l-bini ta’ Fort Cambridge u l-Midi f’Tigne.
Huwa għalhekk importanti li jiġi valutat bl-akbar reqqa kull tip ta’ żvilupp addizzjonali li jista’isir f’Fort Cambridge, f’Manoel Island u fil-Marsa u l-mod kif dawn jistgħu jimpattaw fuq l-effett viżiv u estetiku tal-peniżola tal-Belt fl-interezza tagħha, inkluz il-Port il-Kbir.
Valletta kapitali għandha jkollha budget partikolari biex jippromoviha bħala l-Belt Kapitali tal-pajjiż. Il-Kunsill Lokali għandu jingħata ħafna aktar mezzi biex ikun jista’ jagħmel il-manteniment ta’ kuljum tal-Belt. Budget li lanqas iwassal biex jithallas l-ġbir tal-iskart irid jiġi drastikament rivedut.
AD ipproponiet li jiġi estiż it-trasport bil-baħar. Dak preżenti (Birgu, Sliema), ghandu jigi estiż għal bnadi oħra – bhall-Marsa, minn fejn jista’ jkun hemm konnessjonijiet ta’ karozzi tal-linja lejn in-nofsinhar ta’ Malta.
Meta tqabbel mal-bqija ta’ Malta l-popolazzjoni tal-Belt hija relattivament aktar anzjana u aktar qed tixjieħ. Ħafna mill-proprjetajiet privati jistgħu jkunu substandard u mingħajr il-kumditajiet illum essenzjali (bħal lifts). 35% tal-proprjeta’ fil-Belt hija vojta, 14% aktar mill-medja fil-bqija taż-żoni ta’ konservazzjoni urbana f’Malta.
Biex jigu nkoraggiti aktar residenti żgħażagħ fil-Belt Valletta hemm bżonn li jingħataw inċentivi biex isir rinnovament tal-bini eżistenti b’mod li jkun mgħammar bil-kumditajiet essenzjali biex wieħed jgħix b’mod diċenti. Waqt li tiżdied l-infrastruttura u l-attivitajiet kulturali fil-Belt, għandu ikun hemm capping u limitazzjoni ta’ attivitajiet storbjużi li jigbdu t-turiżmu estern lejn iċ-ċentru tal-Belt filgħaxija. Ironikament, aktar ma jiġu organizzati attivitajiet li jiġġeneraw storbju fiċ-ċentru biex jiġi attirat it-turiżmu, aktar jikber iċ-ċans li jonqsu r-residenti permanenti mill-Belt minħabba l-istorbju ġġenerat li ma jipermettix mistrieħ wara ġurnata xogħol.
Għandhom jiżdiedu n-numru ta’ taxis żgħar elettriċi li joperaw ġol-Belt stess biex itejbu l-mobilita’ għal anzjani u persuni oħra b’mobilita’ baxxa. Il-prezzijiet ta’ dawn it-taxis għandhom jinżammu baxxi biex ikunu aċċessibbli għal aktar nies.
Persentaġġ għoli tar-residenti attwali tal-Belt jgħixu fuq il-kontributi tas-sistema tas-sigurta’ soċjali Maltija. Prijorita’ għandha tkun għalhekk l-organizzazzjoni fiż-żona ta’ aktar korsijiet ta’ training u retraining għall-adulti bil-għan li aktar adulti li s’issa mhumiex produttivi fil-qasam tax-xogħol, ikun jistgħu jibdew ħajja aktar gratifikanti għalihom fil-qasam tax-xogħol u aktar produttiva għall-pajjiż in ġenerali.
Is-settur privat jagħti xogħol lil aktar minn 8,000 persuna li kuljum jidħlu l-Belt għal xogħolhom. Ma’vdawn, wieħed irid iżid eluf oħra ta’ impjegati taċ-Ċivil li kuljum jidħlu l-Belt jew il-Furjana għax-xogħol tagħhom ma’ entitajiet tal-gvern. Alternattiva Demokratika qed tissuġġerixxi li t-trasport pubbliku filghodu u lura meta jispiċċa x-xogħol ikun adegwat għad-domanda. Dan ghandu jgħin biex tittaffa sew il-problema tat-traffiku waqt li jitnaqqsu sew il-problemi ta’ parkeġġ għall-impjegati u jitnaqqas l-istress għal min ikun se jibda l-ġurnata xogħol.
Jistgħu jiġu introdotti aġevolazzjonijiet fiskali għal min jirrijabilita’ bini għal skopijiet residenzjali fil-Belt. Mill-banda l-oħra għandu jkun hemm capping ta’ bini li jiġi rijabilitat għal boutique hotels u skopijiet oħra kummerċjali. Aktar ma jkun hemm lukandi, anqas hemm possibbilitajiet biex il-Belt timtela’ b’residenti permanenti.
Il-Monti ikun ta’ attrazzjoni akbar jekk jispeċjalizza fi prodotti tipiċi milli jkompli jbigħ prodotti ta’ kuljum u medjokri li llum jistgħu jinstabu fis-swieq kollha tal-irhula Maltin.
Wiehed mill-ghajiet tal-pjan huwa “to guide the greening of underutilized areas such as ditches, greening of roofs”. Bil-foss li qed jiġi użat bħala post ta’ parkeġġ, dan ma tantx imur mal-għan li “thaddar”. Il-foss għandu jkun zona pubblika miftuħa u ‘mħaddra’ u mhux parkeġġ. Iż-żieda fil-parkeġġi iġib aktar traffiku lejn il-Belt. Għalhekk il-focus għandu jkun fuq mezzi ta’ trasport tal-massa.
Jissemma pjan biex żoni fil-Belt isiru aktar attraenti għal residenti ġodda. AD issaqsi x’inhuma d-dettalji tal-miżuri biex dawn iż-żoni jsiru attraenti u jiġbdu lejhom residenti ġodda? Kif jista’ wieħed jirrikonċilja residenzi ma’ żoni ta’ entertainment (eżempju Strada Stretta)? X’inhuma l-pjanijiet biex ikun hemm housing affordabbli?
Fid-dokument ta’ konsultazzjoni jissemma “servicing to commercial outlets and open markets (including loading/unloading). These should be visitor friendly, clear and business oriented”. AD iżżid li dawn għandhom ikunu ukoll “resident friendly and resident oriented”.
L-għan li żoni sotterranji għandhom jiġu utilizzati bħala links għat-trasport huwa għan tajjeb ħafna.
Fl-aħħarnett AD tappella biex l-istrateġija tagħti kas l-aċċessibilita’ u l-mobilita’ għal persuni b’diżabilita’ u biex issir emfasi fuq il-pedestrians u pedestrijanizazzjoni – fl-interess ta’ kulhadd minn persuni b’dizabilita, sa persuni b’problemi ta’ mobilita’, u familji bi tfal zgħar. B’attenzjoni u bi ħsieb il-Belt Valletta tista’ issir mudell ta’ belt ‘people friendly’.