Kummentarju imxandar fuq RTK nhar it-Tnejn 15 ta’ Frar 2016
It-theddid mit-tmexxija tat-Tarzna ta’ Palumbo fil-konfront ta’ residenti tal-Isla li għandhom għal qalbhom il-ġid tal-komunita’ hu inaċċettabbli. Qed nirreferi għall-ittri uffiċjali li l-avukati tat-tarżna ta’ Palumbo bagħtu lir-residenti tal-Isla wara li dawn kellhom il-kuraġġ jagħmlu rapport fl-Għassa tal-Pulizija dwar storbju li kien qed joriġina mit-tarżna matul il-lejl.
Ilkoll kemm aħna għandna nkunu solidali ma’ Anna Spiteri u mar-residenti tal-Isla li ġew mhedda mill-bullies tat-Tarzna ta’ Palumbo talli eżerċitaw id-drittijiet ċivili tagħhom meta semmgħu leħinhom.
Il-bullies ta’ Palumbo jaħsbu li n-nies għandhom joqogħdu kwieti u jaċċettaw dak kollu li huma jagħmlu. Ta’ Palumbo qed juru li ma jimpurtahomx mir-residenti kif ukoll li huma ma għandhom l-ebda idea dwar ir-responsabilita’ soċjali tal-kumpanija (corporate social responsibility) lejn il-komunità fejn qegħda topera.
Minflok ma jibdew ifittxu s-soluzzjonijiet u jaċcettaw li jeħtieġilhom li jibdlu l-prattiċi tax-xogħol tagħhom biex jirrispettaw lill-ġirien tagħhom, Palumbo waqgħu fil-baxx u qed jagħmlu użu minn tattiċi ta’ bullying, intimidazzjoni u theddid.
Għamel tajjeb il-bieraħ il-Prim Ministru meta huwa ukoll emfasizza dan kollu u stieden lil ta’ Palumbo biex jersqu madwar il-mejda biex jitkellmu ma u jifhmu lir-residenti tal-Isla u ta’ Bormla.
Id-dritt tat-tarzna ta’ Palumbo li taħdem taħt is-swar ta’ Bormla u l-Isla jġib miegħu ukoll ħafna responsabbiltajiet.
Għandhom ir-responsabbità li jifhmu li l–ġirien tagħhom, r-residenti ta’ Bormla u l-Isla għandhom dritt li jgħixu w jistrieħu fil-kwiet ta’ djarhom. Hi ukoll responsabbità tagħhom li jaddattaw il-ħidma tagħhom b’mod li jnaqqsu u preferibilment jeliminaw kompletament l-impatti ambjentali tagħhom. Biex jagħmlu dan, jeħtieġilhom jinvestu bil-kbir. Hu investiment li jekk isir inissel it-tama li l-ġid ekonomiku jista’ jinħoloq mingħajr ma jkompli jnaqqas il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
F’Malta għandna industrija oħra li qed tagħti l-eżempju tajjeb li ta’ Palumbo għandhom ħafna x’jitgħallmu minnu. Qed nirreferi għall-Port Ħieles. Il-Port Ħieles għal snin twal qagħad il-bogħod mill-mejda tan-negozjati. Meta madwar ħames snin ilu imma, l-Port Ħieles bidel ir-rotta u beda jitkellem mar-residenti ta’ Birżebbuġa, dakinnhar, bil-mod, beda it-tibdil għall-aħjar. Il-Port Ħieles għad baqagħlu biex jelimina l-impatti tiegħu minn fuq ir-residenti ta’ Birżebbuġa, imma minkejja dan, xorta diġa għamel passi kbar il-quddiem. L-iktar importanti hu li bidel l-attitudni.
Hekk ukoll għandha tagħmel it-Tarzna ta’ Palumbo. Bit-theddid m’hi ser tikkonvinċi lil ħadd, m’hi ser tasal imkien. Imma b’rieda tajba hemm iċ-ċans tajjeb illi jibda t-tibdil għall-aħjar, tibdil tant meħtieġ biex tijieb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Din hi l-unika triq il-quddiem. Għax it-theddid mhux biss ma jimpressjona lil ħadd imma fuq kollox ma jagħmel ġid lil ħadd.