Lejn Ewropa Soċjali – Carmel Cacopardo

2697732_2697758a

Kummentarju imxandar fuq RTK nhar it-Tnejn 22 ta’ Frar 2016

In-negozjati bejn il-Gvern Ingliż u l-Unjoni Ewropeja dwar il-futur tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropeja issa ntemmu bi ftehim unanimu li seħħ fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

Dan il-ftehim kien xprunat mid-dibattitu intern fil-Partit Konservattiv Ingliż u mhux daqstant minn xi preokkupazzjoni dwar il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropeja tiffunzjona aħjar. Dan minkejja li l-Unjoni Ewropeja mhiex nieqsa mid-difetti u għad baqa’ ħafna xi jkun irranġat biex tkun iktar effettiva bħala Ewropa tan-nies, bħala Ewropa soċjali.

Kien ikun iktar utli għal kulħadd kieku is-summit tal-mexxejja Ewropej ħareġ kontra l-awsterità milli kontra l-aċċess għall-benefiċċji soċjali. Għax il-ġlieda kontra l-awsterità minnha innifisha tnaqqas id-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali u ittejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd.

Is-sħubija fl-Unjoni Ewropeja għalina tfisser titjib fil-kwalità tal-ħajja, ħarisen tal-ambjent, tkabbir ekonomiku, titjib fil-kwalità tal-arja u tal-ibħra kif ukoll tisħih tad-drittijiet soċjali.

Kien ikun iktar utli kieku s-summit tal-ġimgħa l-oħra fittex li jagħlaq it-toqob li qed dejjem jikbru fil-qasam tal-evażjoni tat-taxxi bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropeja, imma dwar dan ilna ftit ma nisimgħu.    

Uħud qed jistaqsu: x’effett jista’ jkollu dan il-ftehim fuq Malta? Din hi ukoll preokkupazzjoni tal-Membru Parlamentari Ewropew Alfred Sant li, l-bieraħ il-Ħadd waqt il-laqgħa ġenerali fiċ-Ċentru Laburista ta’ Ħal-Tarxien għamel numru ta’ osservazzjoniiet validi.

Il-ftehim jista’ jkollu effett mhux żgħir fuq Maltin li jaħdmu fir-Renju Unit, li jista’ jkollhom il-benefiċċji soċjali (fir-Renju Unit) li sal-lum huma intolati għalihom, taħt theddida. Hemm ħtieġa, emfasizza Alfred Sant il-bieraħ li issir analiżi sewwa ta’ l-implikazzjonijiet ta’ dan il-ftehim. Mhux billi ġie approvat mis-Summit tal-mexxejja Ewropej: ma jrid xejn biex jeħel fil-Parlament Ewropew fejn diġa jidher li bosta għandhom riżervi mhux żgħar dwaru.

Dan il-ftehim ixekkel il-moviment ħieles tal-persuni u jmur kontra l-prinċipju bażiku tal-Unjoni Ewropeja li l-ebda pajjiż membru m’għandu jimxi b’mod diskriminatorju bejn iċ-ċittadini tiegħu u dawk tal-bqija tal-Unjoni. Imma huwa dak eżattament li ġie approvat nhar il-Ġimgħa.

L-Ewropa li għandna naspiraw għaliha hi waħda differenti minn dik li pinġewlna l-mexxejja Ewropej nhar il-Ġimgħa li għaddiet. Irridu Ewropa li ma tgħaffiġġ lill-batut fl-iżjed mument meta jeħtieġ l-għajnuna. Irridu Ewropa li tagħti iktar każ tad-drittijiet tan-nies tax-xogħol, tal-kwalità tal-arja, tal- kwalità tal-ilma, tal-kwalità tal-ibħra tagħna ħielsa mit-tniġġiż. Ewropa li tiċċelebra l-moviment ħieles tal-popli tagħha, liema moviment ħieles itejjeb il- kwalità tal-ħajja tagħna lkoll.

Għax l-Ewropa hi l-ewwel u qabel kollox Ewropa tan-nies, Ewropa socjali. Dan hu d-dibattitu reali li sfortunatament il-mexxejja Ewropej qed jaħarbu minnu.

FacebookEmail