Spiss qed nisimgħu fuq kemm il-kandidati Nazzjonalisti għall-Parlament Ewropew huma ‘favur in-nies’. Spiss nisimgħu ftaħir dwar kemm qed jiddefendu ‘l-bdiewa – ħalliha li imbagħad jappoggjaw il-qerda ta’ raba. Ħalliha li jappoġġjaw lill-Gvern fuq il-ġennata ta’ Muscat ta’ mina rovina bejn Malta u Għawdex. Spiss hemm min jippoża mat-Taljan tal-Forza Italia u President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani, ħalliha li dan jappoġġja l-politika ta’ Matteo Salvini dwar il-migrazzjoni. Politika kontra l-interessi tal-Maltin, biex ma nsemmux ir-rikatti bil-ħajja tan-nies maqbudin bejn sema u ilma. Dwar Viktor Orban, il-Prim Ministru tal-lemin estrem imsieheb mal-Partit Popolari Ewropew ftit li xejn nisimgħu dwaru hawn Malta. Erba’ partiti tal-PPE iridu jkeċċuh, il-PN ma nafux x’irid.
Li nisimgħu ħafna huwa dwar it-trasparenza u l-governanza tajba. Ngħiduha kif inhi, la l-PN u lanqas il-PL m’huma xempji ta’ governanza tajba. Għadna b’sistema politika li writna miż-żmien kolonjali. U bl-ippuppar u l-pożi kollha li għandhom, għax jaqbel lilhom, hekk ħallewha. Il-mentalita’ ta’ ħafna u ħafna Maltin ma tantx tgħin għall-iżvilupp tal-ħajja pubblika f’pajjiżna.
Fil-31 ta’ Jannar, il-Parlament Ewropew ivvota biex il-laqgħat bejn dawk li jippruvaw jinfluwenzaw il-ħidma tal-Membri Parlamentari (il-lobbyists) u l-Membri Parlamentari Ewropej infushom ikunu regolati aħjar. Ir-regoli approvati jesiġu li dawn il-laqgħat jiġu dikjarati f’Reġistru tat-Trasparenza. Kif ivvutaw il-Membri Parlamentari Ewropej f’dan il-vot favur it-trasparenza? Ma nistgħux inkunu nafu bl-eżatt għax il-grupp tan-Nazzjonalisti – ta’ Casa, Metsola u Zammit Dimech, sforza vot sigriet fuq dawn ir-regoli ġodda dwar it-trasparenza. Ma smajt lil ħadd minnhom jgħid li ma jaqbilx li l-vot ikun sigriet. Forsi għax hasbu li f’Malta ħadd ma jinteressah. L-aqwa li jippużaw u jippuppaw fuq it-trasparenza f’pajjiżna. Lanqas ma qrajt xi artiklu f’xi gazzetta lokali. L-aqwa li nimlew l-gazzetti b’artikli dwar kemm se jkollna toroq u torrijiet.
Ta’ min jinnota li l-Partit Popolari Ewropew u anke dak favur is-suq isuq, il-Liberali, fl-istadju tal-kumitat f’Diċembru 2018, ivvutaw kontra regoli aktar stretti. Iridu jipproteġu s-segretezza ta’ lobbyists ta’ kumpaniji multinazzjonali, ta’ dawk li jevadu t-taxxi, ta’ dawk li jniġġsu u jħammġu. M’hemmx raġuni oħra għaliex partiti Ewropej ghandhom jivvutaw kontra regoli li għandhom iżidu l-fiduċja tan-nies fl-istituzzjonijiet. Hu tal-mistħija li ċerti MPE kienu ddisprati biex jaħbu kif jaħdmu u ma min jiltaqghu u jiddiskutu. B’xorti tajba l-isforzi tal-PPE ta’ Orban u Tajani ma rnexxewx. Tajjeb li nkunu nafu x’jaħsbu l-MPE Nazzjonalisti u l-kandidati Nazzjonalisti, anke dawk li raw id-dawl dan l-aħħar wara li tilfu t-t-shirt ta’ Che Guevara u tar-Rage Against the Machine. Casa, Metsola, Zammit Dimech, u l-assistent ta’ Tajani, Peter Agius jistgħu jagħmlu stqarrijiet pubbliċi solenni dwar it-trasparenza, iżda sħabhom tal-PPE huma tant iddisprati biex jaħbu dak li qed jagħmlu li sfurzaw votazzjoni sigrieta. Mhux biżżejjed ixxejjer il-bandiera blu bl-istilel sofor biex tkun verament pro-Ewropew. Il-manuvri ipokriti tal-PPE iżidu in-nuqqas ta’ fiduċja pubblika fl-UE u jkomplu jitfgħu l-ħatab fuq in-nar tal-populisti perikolużi tal-lemin, minn seħibhom Orban, sa Salvini u l-lemin ultra-nazzjonalista Pollakk.
Ralph Cassar
Segretarju Ġenerali