F’kummenti lill-istampa wara li residenti ta’ Ħ’Attard ipprotestaw fuq żvilupp propost fit-tarf tal-lokalita’ (Numru tal-applikazzjoni tal-Awtorita’ tal-Ippjanar PC0061/16), illum filgħodu, Ralph Cassar, Segretarju Generali ta’ Alternattiva Demokratika u Kunsillier f’Ħ’Attard qal li din iż-żona f’Ħ’Attard, flimkien ma ħafna żoni oħra madwar il-pajjiż kollu, iddaħħlet fiż-żona ta’ żvilupp mill-kabinett Gonzi, bl-approvazzjoni tal-Membri Parlamentari Nazzjonalisti fil-Parlament fl-2006.
“Ironikament anke Membri Parlamentari ta’ dan id-distrett, bħall-Whip Nazzjonalista David Agius, u li illum, qed jilgħabuha tal-paladini tal-ambjent ivvotaw favur din l-iskema li daħħlet 2 miljun metru kwadru ta’ art fiż-żona tal-iżvilupp. Minn dakinhar ‘l hawn anke l-għoli permess tal-bini żdied minn 3 sulari u penthouse, riżentament għal effettivament 4 sulari u penthouse f’żoni simili. Madanakollu Membri Parlamentari Laburisti jibqgħu illum ukoll b’ħalqhom magħluq u wkoll jiġu jippuppaw jilgħabuha tad-difensuri tar-residenti.”
“F’pajjiż mifqugħ b’bini vojt ma jagħmilx sens li jiżdiedu ż-żoni ta’ żvilupp. Sakemm f’pajjiżna tibqa’ l-politika li tiffavorixxi spekulazzjoni u tkompli tagħlaq il-ftit spazji miftuħa li fadal fit-truf tal-irħula u l-ibliet sa nibqgħu naraw dan l-isfregju. Mill-2006 ‘l hawn għadna naraw l-istess affarijiet jirrepetu ruħhom. Issa anke għall-kosta u l-baħar bejn Il-Gżira u Pembroke se jduru. F’dawn in-naħat ta’ Ħ’Attard u l-Mosta għandna t-theddida insensata ta’ korsa tat-tlielaq tal-karozzi bex ikomplu jġibu t-tfal tagħna roundabout.”
“Hemm artijiet oħra bħal din li ġew inklużi fiż-żona tal-iżvilupp mill-Mosta sa Marsaxlokk u issa waslu biex jibdew jiġu żviluppati. Fl-2006 il-Partit Laburista fil-Parlament kien ivvota kontra l-hekk imsejjħa skema ta’ razzjonalizzazzjoni. Mill-passat riċenti jidher iżda li biddel ħsiebu minn dak iż-żmien lil hawn u intefgħa b’ruħu u ġismu ukoll f’orġja ta’ żvilupp selvaġġ. Smajna diskors dwar reviżjoni fil-konfini tal-iżvilupp waqt il-kampanja elettorali. Dan kien biss diskors fl-arja? Tgħid tard wisq għal din iż-żona u żoni simili?”
Nhar it-Tnejn 3 ta’ Lulju fil-1700h Carmel Cacopardo se jagħmel rappreżentazzjonijiet quddiem il-PA fuq l-iżvilupp propost PC0061/16.