Biex insolvu l-problema tat-traffiku mhux iktar toroq għandna bżonn iżda inqas karozzi. Dan qalu Carmel Cacopardo Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika waqt konferenza stampa fiż-żona fejn hu ippjanat li tinbena triq ġdida f’Ħ’Attard.
Din it-triq ġdida, qal Cacopardo, se tibla ammont kbir ta’ raba’ saqwi u tfisser li l-Gvern mhux biss m’għandux idea kif isolvi l-problema tat-traffiku imma fuq kollox jiġi jaqa’ u jqum anke mill-biedja u dan billi se jissagrifika l-aħjar tip ta’ raba’ li jirrendi uċuh is-sena kollha minħabba li għandu aċċess kontinwu għall-ilma. Hawn numru ta’ bdiewa li jiddependu minn dan ir-raba’ għall-għixien tagħhom.
Tkellem ukoll Ralph Cassar, kunsillier ta’ AD f’Ħ’Attard u kelliem ta’ AD dwar l-enerġija, t-trasport u l-infrastruttura.
Ralph Cassar qal li f’Ħ’Attard it-traffiku huwa problema kbira u filwaqt li pjanijiet għal din it-triq ilhom mis-snin sittin, jibqa’ fatt li suppost li sa issa żviluppajna biżżejjed fil-ħsieb li bdejna nfittxu u nesploraw modi ġodda u moderni kif niffaċċjaw l-isfidi tal-mobilita’. Cassar kompla jgħid:”Aktar toroq iġibu aktar traffiku. Il-Gvern ma jridx imur f’ras il-għajn u jammetti li l-problema vera hija minħabba li hawn wisq karozzi fit-toroq u nuqqas ta’ sistemi alternattivi għall-ivjaġġar.”
“L-istrategija tal-Gvern li jżid mat-toroq biex jagħmel il-wisa’ għall-karozzi mhix soluzzjoni. Hemm bżonn numru ta’ inizjattivi li flimkien ikollhom l-effett li jnaqqsu l-karozzi mit-toroq tagħna. Hemm fuq kollox ħtiega ta’ iktar investiment f’sistemi differenti ta’ trasport pubbliku. Biss biss il-karozzi tal-linja li jaghtu servizz lil Ħ’Attard ma jżommux mal-iskeda. Dawk li jiġu mir-Rabat suppost jgħaddu kull 10 minuti – imma ħafna drabi jew ma jgħaddux jew jgħaddu mimlijin. Hawn domanda għat-trasport pubbliku li mhux qed tiġi sodisfatta. Hemm bżonn li t-trasport pubbliku jingħata prijorita fit-toroq u li x-xufiera jingħataw kundizzjonijiet aħjar. Hemm bżonn ukoll investiment serju f’sistemi u faċilitajiet serji għal mezzi ta’ trasport alternattivi u nodfa, fosthom rotot siguri tul it-toroq prinċipali għar-roti u għar-roti elettriċi. Ir-realta’ hija li kull persuna li tuża mezzi differenti ta’ trasport tnaqqas mill-konġestjoni fit-toroq.”
“Filkaż ta’ Ħ’Attard, huwa inaċċetabbli li Transport Malta tigi bl-aktar proposta faċli minflok ma tħares lejn alternattivi differenti ta’ trasport biex tkun tista’ ssir diskussjoni ħalli tinstab soluzzjoni sostenibbli.”
“Huwa wkoll inkwetanti kif minkejja l-paroli kollu li jsir dwar l-importanza tal-biedja, u n-nuqqas ta’ żgħażagħ li qed jagħżlu karriera fil-biedja, l-ewwel settur li jiġi sagrifikat għall-hekk imsejjaħ ‘żvilupp’ huwa s-settur tal-biedja. Il-karozzi qed jitħallew jirbħu fuq il-biedja billi tibqa’ dejjem tiġi ssagrifikata art agrikola biex jinbnew toroq ġodda.”