Id-Direttiva fuq id-Drittijiet tal-Awtur

Hemm diversi opinjonijiet fuq id-Direttiva fuq id-Drittijiet tal-Awtur tal-UE. Li huwa żgur li m’hemmx għalfejn jinħonoq l-internet biex jintlaħqu l-iskopijiet tad-direttiva. Id-Direttiva fuq id-Drittijiet tal-Awtur proposta mill-Kummissjoni Ewropea hi maħsuba biex tarmonizza il-liġijiet fuq id-drittijiet tal-awtur madwar Stati Membri, minħabba li hemm diversi eċċezzjonijiet li japplikaw f’pajjiżi imma mhux f’oħrajn. Minkejja dan, hemm xi punti minn din ir-riforma li se jkunu ta’ iktar xkiel għall-utenti minflokk ta’ benefiċju mingħajr ma joffru vantaġġi sinjifikanti lil artisti żgħar.

Huwa diżappuntanti li l-Parlament Ewropew, inkluż il-MPE Laburisti u Nazzjonalisti, ivvota favur ir-riforma tad-Drittijiet tal-Awtur kif hi bħalissa minkejja artiklu 11 u artiklu 13. Dawn iż-żewġ artikli, rispettivament, jippermettu li websites ta’ kmamar tal-aħbarijiet jitolbu l-flus mingħand platforms tal-media soċjali għal użu ta’ kontenut fit-tixrid ta’ links (liema links diġa’ huma pubbliċi u aċċessibbli u li m’hemmx bżonn tħallas għalihom – il-links ikun fihom ukoll riklami), kif ukoll jirrikjedu li servizzi fejn jista` jittella` materjal bħal videos jiċċekjaw dan il-materjal għal ksur tad-drittijiet tal-awtur awtomatikament.

Dan huwa ksur tad-dritt għall-liberta tal-espressjoni li huwa wieħed mill-valuri li huwa mibni fuqhom l-Internet. Minkejja li hemm eċċezzjoni limitata għal użu minħabba riċerka u eċċezzjoni oħra għal użu edukattiv, dawn iż-żewġ artikli jistgħu iwasslu għal:

  • iktar tixrid ta’ fake news minħabba li dawn is-sorsi jistgħu japprofittaw ruħhom mill-fatt li sorsi iktar affidabli jiċċarġjaw ta’ tqassim ta’ kontenut tagħhom, kif ukoll minħabba li l-ħolqien ta’ fact checking applications ikun diżinċitivat
  • Ksur tal-konvenzjoni ta’ Berne li tagħti dritt għal kreazzjoni ta’ sunti tal-aħbarijiet u kwotazzjoni ta’ artikli tal-aħbarijiet
  • ixekkel kontenut kreattiv bħal remixes u memes li jinqabdu intortatament mill-filtru
  • jagħmel l-iżvilupp ta’ servizzi alternattivi iktar diffiċli minħabba iktar spejjeż u dewmien fl-implimentazzjoni li jinħassu iktar minn negozji żgħar
  • Huma iktar ta’ benefiċċju għal pubblikaturi kbar, filwaqt li jxekkel pubblikaturi żgħar minħabba li tqassim ta’ links tgħinhom jilħqu udjenza iktar wiesa`.

Huwa tajjeb li l-artisti, akkademiċi u ġurnalisti jiġu assigurati dħul xieraq, pero dan jista` jsir permezz ta’ miżuri progressivi bħal tariffa żgħira fuq il-miżati tal-ISPs u ħlas xieraq għal kuntratti ta’ dawn l-awturi kif ġustament mitlub minn artiklu 15 tal-istess direttiva. Barra minn hekk, artiklu 11 hu maħsub biex jipproteġu pubblikaturi kbar, waqt li artiklu 13 hu pjuttost ineffettiv u iżid restrizzjonijiet żejda għall-utenti. Minħabba f’hekk, dawn iż-żewġ artikli għandhom jitneħħew kompletament mid-direttiva.

Daniel Desira
Kelliem Alternattiva Demokratika

FacebookEmail