Ħafna aktar enerġija rinovabbli ġġenerata lokalment essenzjali għall-impjiegi u għas-sigurtà nazzjonali

Fi stqarrija Sandra Gauci, Chairperson ta’ ADPD-The Green Party (u kandidata fuq distretti 6 & 12) u Mark Zerafa, Segretarju Internazzjonali tal-partit (u kandidat fuq distretti 1 & 9) qali li l-gvern iffissa fl-interconnectors, biex jgħatti l-fatt li mhux qed tiġi ġġenerata biżżejjed enerġija minn sorsi rinovabbli f’Malta stess. Tħabbar it-tielet interconnector għalkemm għadu lanqas biss sar it-tieni wieħed. Peress li l-emissjonijiet li ġejjin mill-elettriku tal-interconnecor ma jidhrux fl-emissjonijiet ġġenerati Malta, l-gvern qed jipprova jbellagħha li qed jagħmel passi kbar ‘il quddiem f’dal-qasam.

Li qed jagħmel imma huwa li jħallina dipendenti mmens fuq l-importazzjoni tal-elettriku minn barra, qed iħallas prezzijiet li qed jogħlew ġmielhom, kemm minħabba kriżijiet kemm minħabba taxxi fuq it-tniġġis, u mhux qed immassimizza l-potenzjal ta’ impjiegi f’Malta u Għawdex stess fis-settur tal-enerġija rinovabbli. Vera li hemm bżonn konnessjoni mal-grid Ewropea, imma ma jistax ikun li l-enerġija rinovabbli f’pajjiżna stess timxi ‘l quddiem b’mod daqshekk kajman.

Konferma ta’ kemm is-settur mhux prijorità huwa n-nuqqas tal-gvern li jaġġorna l-liġijiet Maltin skont id-Direttiva 2023/2413 għall-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinovabbli. Din id-direttiva tfittex li sas-sena 2030, 42.5% tal-enerġija medja tal-Unjoni Ewropea tiġi minn sorsi nodfa u rinovabbli. Il-fatt li l-gvern Malti nnegozja mira baxxa ta’ 25% sal-2030 hija wkoll indikazzjoni tat-tnikkir tal-gvern Malti, li aktar moħħu, bħall-gvern ta’ qablu fl-interconnectors bħallikueku huma xi soluzzjoni maġika.

Id-Direttiva tisħaq ukoll li għandna ninvestu f’riċerka li twassal għat-tnaqqis fl-emissjonijiet. Dan huwa settur li joħloq l-impjiegi ta’ kwalità u jżid ir-reżiljenza ta’ Malta għall-kriżijiet internazzjonali.

Filwaqt li m’għandhomx ikunu l-proċeduri legali u l-multi li jħeġġuna nikkonformaw mal-liġi Ewropea, anke hawn il-gvern qed ifalli . L-enerġija rinovabbli tressaqna aktar lejn futur sostenibbli. Il-kunflitti internazzjonali, bħall-gwerer fl-Ukrajna u l-Iran joħolqu instabbilità u inċertezzi. Sorsi rinovabbli jiggarantixxu sovranità akbar u sors ta’ enerġija kontinwa anke f’ċirkostanzi globali li m’għandniex kontroll fuqhom. 

Għalhekk, hemm bżonn li ninvestu aktar f’enerġija nadifa, minflok nissussidjaw l-użu ta’ fjuwils fossili. Pajjiżna jgawdi xemx tista’ tgħid matul is-sena kollha, kif ukoll riħ, filwaqt li ċ-ċaqlieq u l-kurrenti tal-baħar ta’ madwarna ukoll jipprovdulna opportunità ta’ enerġija nadifa. M’għandniex skużi, apparti min-nuqqas ta’ ħeġġa u innovazzjoni. 

Il-viżjoni tagħna għandha tkun fit-tul. L-għajnuna lil min għandu bżonn biss u f’’ċirkostanzi ta’ emerċenza. Il-gwadann immedjat u miżuri populisti mhumiex se jbegħduna mill-qilla tal-bidla fil-klima.

FacebookEmail