Id-deċiżjoni tal-Qorti li tpoġġi taħt att ta’ akkuża lil Chris Fearne, Edward Scicluna u oħrajn, fosthom uffiċjali taċ-ċivil hi gravi ħafna.
Issa hu inevitabbli li min fost dawk akkużati għadu ma rriżenjax, jew jirreżenja inkella għandu jitwarrab immedjatament.
Dan jgħodd primarjament għall-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna u għall-uffiċjali għolja fiċ-ċivil li jinsabu taħt akkuża.
Huwa issa essenjzjali li l-Prim Ministru jaġixxi immedjatament u jissospendihom lkoll.
Dan jgħodd ukoll għall-Arċisqof Charles Scicluna, li għandu immedjatament jirrevoka l-ħatra fil-Kurja ta’ Alfred Camilleri, ex-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi li preżentament għandu nkarigu dwar il-finanzi fil-Kurja.
Sandra Gauci, Chairperson ta’ ADPD-The Green Party emfasizzat:”Dak li għadu kif ħareġ mill-Qrati tagħna issa hu gravi u ta tħassib. L-uffiċċjali kollha msemmija għandhom ikunu sospiżi jew imġiegħla jirriżenjaw. X’se jagħmel il-Prim Ministru? Edward Scicluna se jibqa’ jmexxi l-Bank Ċentrali għax għad ma kellux id-diċenza li jirriżenja minn rajh? Il-pożizzjoni ta’ Scicluna mhux tenibbli anke għax huwa fuq il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew. In-nuqqas ta’ serjetà ta’ Scicluna hija ta’ ħsara għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Għandu jitneħħa minnufih.”