F’Jum l-Ambjent – kwalità ta’ ħajja aħjar tfisser nilqgħu l-isfidi ambjentali u soċjali

Illum huwa Jum l-Ambjent u waqt konferenza stampa f’San Pawl il-Baħar il-kelliema ta’ ADPD – The Green Party tkellmu dwar kif ambjent b’saħħtu jfisser kwalità ta’ ħajja tajba għal kulħadd. Vot fuq l-Aħdar ifisser vot għal ADPD, ifisser messaġġ fuq livell lokali u anke Ewropew għal kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.

Is-Segretarju Ġenerali ta’ ADPD u ukoll kandidat tal-partit Dr Ralph Cassar qal:”Illum f’Jum l-Ambjent tajjeb li niftakru li l-Aħdar huwa l-kulur tal-progressivi u l-ekoloġisti. Biżżejjed tħares dak li ġara dan l-aħħar fil-Parlament Ewropew fejn il-gruppi kemm tas-soċjalisti u anke l-PPE minflok jaraw kif insaħħu l-investiment biex ikollna Ewropa aktar soċjali u ħadra qed jagħmlu bil-kontra. Xi ħaġa inkwetanti hija l-attakk tal-PPE, il-grupp tal-PN, fuq il-Patt Aħdar u anke fuq it-tisħiħ tal-politika soċjali biex nagħmlu t-tranżizzjoni meħtieġa. Qed jippjanaw li jalleaw ruħhom mal-lemin-estrem. Fatt inkwetanti ieħor hija l-alleanza tal-PPE, is-soċjalisti u l-liberali favur politika tal-awsterità. Aħna rridu investiment fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. Għalhekk niddefendu l-Patt Aħdar u ninsistu fuq Patt Soċjali b’saħħtu. Kwalità tal-ħajja tfisser li nieħdu ħsieb l-ispazji miftuħa bis-serjetà, tfisser li neqirdu t-tniġġis li qed iħammeġ l-arja u joqtolna. Tfisser li nużaw ir-riżorsi naturali aħjar u li nassiguraw li nkomplu nibnu Ewropa ta’ solidarjetà u ugwaljanza.” 

“Bla dubju ta’ xejn, lilhinn mill-politika marida Maltija, r-realtà hi li l-akbar sfida li qed niffaċċjaw hija t-tħarbit soċjali u ambjentali li qed toħloq il-bidla fil-klima. Jiswielek li bil-vot tiegħek tappoġġja lil min verament irid jindirizza din l-isfida. Investiment b’saħħtu fl-enerġija rinovabbli, minflok fil-fuels fossili, li jeqirdu l-klima, jifgawna, u joqtluna, ifisser stabbilità ekonomika u xogħol tekniku ta’ kwalità. Ifisser li ma nibqgħux nesportaw mijiet ta’ miljuni ta’ ewro ’l barra mill-pajjiż biex litteralment naħarquhom għall-enerġija. Jiswielek li tivvota għal stabbilità fil-prezzijiet ġejja mill-investiment u mhux mis-sussidji bl-addoċċ tal-Gvern anke lil min jaħli u jniġġes. Jiswielek li jisppiċċa t-tniġġis mill-heavy fuel oil tal-vapuri. Il-heavy fuel oil kien ħażin fil-power station imma huwa ħażin għas-saħħa tan-nies f’Birżebbuġa meta jinħaraq mill-vapuri. Mhux aħjar li b’investiment iffokat nakkwistaw arja nadifa u xogħol ta’ kwalità lokalment, u nsostnu l-ekonomija tagħna li ma tibqax tiddependi għalkollox fuq sorsi barranin u instabbli li jġib l-użu ta’ enerġija maħmuġa? Jiswielek li niġġieldu kontra t-tniġġis. Biss biss madwar l-UE jmutu mat-300,000 persuna fis-sena minħabba t-tniġġis tal-arja.”

Iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party u kandidat tal-partit Sandra Gauci qalet li l-prinċipji li jgħoddu fuq livell Ewropew jgħoddu ukoll għal Malta. “F’San Pawl il-Baħar huwa ovvju li n-numru ta’ esaħerat ta’ turisti f’Malta qiegħed iħalli effetti negattivi fuq il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Is-settur turistiku spiċċa settur fejn issir spekulazzjoni fuq l-art, huwa kawża ta’ bini bl-addoċċ u bla rażan bi skuża tal-ekonomija. Filfatt l-impatti fuq l-infrastruttura jfissru drenaġġ fil-baħar, infrastruttura tikkrolla, u impatti negaattvi fuq il-kwalità tal-ħajja. Nappella biex il-Gvern inaqqas id-dipendenza ta’ Malta fuq it-turiżmu tal-massa. Irridu ekonomija aktar nadifa li tirrispettana. It-turiżmu huwa settur ibbażat fuq kundizzjonijiet ħżiena ta’ xogħol u pagi baxxi. Ifisser tkabbir ekonomiku li jgawdu minnu l-ftit u l-ambjent urban, l-infrastuttura u r-residenti jbatu l-konsegwenzi.

Il-qasam tat-turiżmu għandu jibda jaddatta għal dinja ġdida li qegħda taffaċċja t-theddida tal-bidla fil-klima. Jew ħa nilqgħu din l-isfida jew inkella se jsir bħas-soltu u nindunaw li qegħdin tard wisq.  Dan isir permezz ta’ bidla fil-mudell ekonomiku tat-turiżmu. Filwaqt li n-numru ta’ turisti għandu jkun iktar sostenibbli, il-prekarjat fis-settur għandu jinqered billi l-ħaddiema jkunu garantiti numru ta’ sigħat fissi ta’ xogħol u mhux jibqgħu mdendlin minn ġurnata għal oħra, f’dipendenza totali fuq min iħaddimhom.”

“Din l-idea li rridu nimlew kemm nifilħu qisna qed nimlew dundjan għax-xiwi trid tinbidel f’ waħda ta’ kemm spejjeż qed joħolqulna t-turisti. Turisti u sodod innaqqsu għandna bżonn, żgur mhux inżidu. M’hemmx bżonn bini ta’ aktar lukandi jew li lukanda iżżid is-sulari. Il-ġbir, tindif, infurzar fejn jidħol l-iskart addizzjonali għandu jitħallas mit-turist, kif isir f’pajjiżi oħra. Diġà hemm ekokontribuzzjoni li tmur għand l-MTA biex ‘isebbħu żoni turistiċi’. Din il-kontribuzzjoni minflok tinħela mill-MTA għandha tinqasam bejn ir-reġjuni/Kunsilli Lokali f’porzjonijiet skont id-daqs tal-lokalitajiet u skond in-numru ta’ turisti f’akkomodazzjoni turistika u attrazzjonijiet turistiċi fil-lokalitajiet. Barra li l-ammont ta’ kontribuzzjoni minn kull turist bħalissa huwa tad-daħk: 50 ċenteżmu kull lejl sa massimu ta’ 5 Ewro.”

Sandra Gauci semmiet ukoll il-każ ta’ Kemmuna. “Kemmuna hija simbolu ta’ x’hemm ħażin fil-politika tal-gvern dwar it-turiżmu. Għandna Ministru tat-Turiżmu li lanqas biss irid jipproteġi lil Kemmuna, li hija sit Natura 2000. Anzi jgħid li ma jridx inaqqas it-turisti li jżuru Kemmuna. Dawn huma t-tip ta’ nies li hemm imexxu. In-nuqqas ta’ rieda minn dan il-gvern li jipproteġi kif suppost lil-Kemmuna hija evidenti specjalment meta jinjora l-għadab tan-nies bl-influss massiv li l-gżira ċkejkna żgur ma tiflaħx għalih. Il-bżonnijiet ta’ dan il-wirt naturali għandhom jieħdu prijorità fuq il-bżonnijiet ta min irid jaqla lira a skapitu tal-abbuż fuq wirt li hu ta kulħadd.”

“Fl-aħħar mill-aħħar hemm bżonn tivvota fuq l-Aħdar, lill-kandidati kollha ta’ ADPD – The Green Party jekk trid tiżgura li ssaħħilna l-vuċi tagħna. Għax x’jiswielek li jkollna siti Natura 2000 bħal Kemmuna imma mbagħad ma jiġux imħarsa kif suppost? X’jiswielek li jkollok ekonomija qed tikber għall-gwadann tal-ftit imma arja maħmuġa u drenaġġ fil-baħar? Jiswielek li tivvota lil min verament għandu viżjoni ambjentali u soċjali favur kwalità ta’ ħajja tajba. Mhux bil-paroli iżda iswed fuq l-abjad.”

FacebookEmail