Toroq siguri, kontroll tat-tniġġis u azzjoni urġenti fil-qasam tal-kostruzzjoni

F’konferenza stampa mxandra online l-kelliema ta’ ADPD – The Green Party kienu l-kandidati għal Tal-Pietà, Janet Zahra Walker, għal Birżebbuġa, Dr Melissa Bagley, u ċ-Chairperson tal-partit Sandra Gauci.

Sandra Gauci qalet:

Mewt wara oħra fil-kostruzzjoni. U l-Prim Ministru stenna sa ftit gimgħat ilu biex iħabbar li se jiftħu s-sejħiet biex ikun hemm aktar spetturi fuq il-post tax-xogħol. Din hija xi ħaġa li kien jaf li kien hemm bżonn minn qabel imma li għażel li jinjora u issa biss wara ħafna mwiet fuq idejh iddeċieda li jagħmel xi ħaġa.

Ir-riżenja tas-CEO tal-Building and Construction Authority Jesmond Muscat li seħħet wara l-mewt traġika ta’ Bari Balla li kien qed jagħmel xogħol fuq sit bla permess f’Tas-Sliema tidher biss miżura reattiva għal dak li ġara u li mill-inkjesta pubblika ta’ Jean Paul Sofia fejn l-istat instab ħati, l-istat mhux juri la indiema u lanqas ħeġġa li jinbidel. Il-cowboys fil-kostruzzjoni għadhom magħna u s-sens ta’ impunità u żero infurzar hemm għadu. Li kieku dan il-ħaddiem ma mietx kien jinduna xi ħadd li dan ix-xogħol kien qiegħed isir bla permess? Għandi r-riżervi tiegħi.

Wara l-ħafna nies li ġew imġiegħla jirriżenjaw wara l-inkjesta pubblika ta’ Sofia xorta l-problema għadha hemm u l-veru responsabbli li appuntaw lil dawn in-nies għadhom għaddejjin qisu xejn mhu xejn. Sakemm il-Ministri Stefan Zrinzo Azzopardi, Silvio Schembri u Miriam Dalli jirriżenjaw, dawn ir-riżenji ta’ CEOs jidhru biss bħala PR biex tibża’ għall-image u sugu ta xejn. Għandna ministri għall-pagi u qtugħ ta’ żigarelli iżda ma humiex hemm għal-kontabilità ta’ għemilhom u tal-għażliet tagħhom. Hemm bżonn juru l-maturità politika u jirriżenjaw biex juru li quddiem il-liġi huma daqsna u mhux ‘il fuq minna.

Meta jkollok bricks li jaqgħu fuq karozzi pparkjati bħalma ġara Buġibba d-dubji li dawn mhux inċidenti imma frott l-inkompetenza hemm jibqgħu. Li jkollok anzjan f’Bormla li frott l-iddisprament li jara d-dar tiegħu tiġġarraf minħabba xogħol biswit id-dar tiegħu u jieħu l-liġi f ‘idejh, turi kemm n-nies waslu fix-xifer. Filwaqt li l-vjolenza qatt ma hi soluzzjoni warajh hemm dak is-sens ta’ abbandun li vittma tal-kostruzzjoni jħoss meta jdur lejn l-istituzzjonijiet għal xi forma ta’ faraġ jew protezzjoni – bħalma għaddiet minnu il-kandidata tal-ADPD għall-kunsill lokali f’Tal-Pieta Janet Zahra Walker. Ħadd m’hu hu. Ħadd m’hu xogħolu. Ħadd m’hu responsabbli. Aħna rridu l-kontabilità.

Niftakru li kien biss wara ħafna pressjoni mis-soċjetà ċivili li saret inkjesta dwar il-qtil ta’ Jean Paul Sofia. Huwa qal li wasal iż-żmien li anke l-kunsilli lokali jkollhom responsabbiltà fejn tidħol is-sigurtà tal-bini fil-lokalità tagħhom. Għandhom jingħataw il-fondi neċessarji biex propjetajiet jiġu sorveljati u s-sidien ta’ bini abbandunat jew oħrajn li huma ta’ periklu għal min ikun għaddej fit-toroq u minn fuq il-bankini jintalbu biex iżommuhom fi stat tajjeb.

Għaliex sfortunatament jidher ċar li mill-inkjesta dwar il-qtil ta’ Jean Paul Sofia ma tgħallimna xejn għaliex tista’ tgħid li ma tgħaddix ġimgħa li ma jkollniex xi inċident fl-industrija tal-kostruzzjoni, l-aħħar wieħed jerġa’ jkun fatali. Hemm bżonn azzjoni urġenti fil-qasam tal-kostruzzjoni u mhux eżerċizzju finta biex taparsi nkunu qegħdin nagħmlu xi ħaġa.

Fl-intervent tagħha Janet Zahra walker tkellmet fuq n-nuqqas ta’ aċċessibilità tal-bankini, u s-sigurtà fit-toroq. Qalet li l-prijorità fit-toroq għandhom ikunu n-nies u mhux il-karozzi.

Melissa Bagley tkellmet dwar il-problemi ta’ tniġġis f’Birżebbuġa. Qalet li l-heavy fuel oil li jaħarqu l-vapuri qed jifgana mingħajr ma forsi nindunaw. Qalet li l-heavy fuel oil tal-power station, li kkritikajna aħna ukoll daki iż-żmien, għall-Partit Laburista kien ‘fabbrika tal-kanċer’. Il-heavy fuel oil mill-vapuri ukoll huwa ‘fabbrika tal-kanċer’. Qalet li “ma’ sħabna l-Ħodor, fuq livell Ewropew irridu naħdmu favur kontroll bis-serjetà tal-kwalità tal-arja.”

FacebookEmail