Diskors ta’ Sandra Gauci waqt attività fis-sit Santa Verna f’Għawdex

Diskors ta’ Sandra Gauci, Chairperson ta’ ADPD-The Green Party waqt attività biex tqajjem kuxjenza dwar is-sit Santa Verna f’Għawdex

Min mhux kapaċi jieħu ħsieb il-passat tiegħu tafdahx bil-futur tiegħek. Jekk se nibqgħu ninjoraw l-importanza tal-istorja tagħna se niġu ngħixu f’vakum fejn ma nafux mnejn ġejna. Il-kilba għall-flus li hawn bħalissa u promossa akkost ta’ kollox ma tieqaf quddiem xejn: imwiet ta’ nies, l-istorja, kwalità tal-ħajja u mard. L-aqwa li tibni u tħaxxen butek.

Kif u ‘l għala donnu ħadd ma jsaqsi. L-aqwa l-flus. U donnu dan il-virus inxtered ukoll fl-entitajiet li suppost jipproteġu l-istorja tagħna imma jispiċċaw ibiegħuha għal prezz ta’ 5000 Euro. Kollox għall-bejgħ. Kollox għandu prezz u xejn m’għandu valur.

Għandna sistema fejn ta’ kuljum kważi tisma’ liċ-ċittadini jiġġieldu u jaħdmu għal dak li suppost jagħmlu l-awtoritajiet. Suppost aħna mhux hawn qegħdin imma l-baħar, għax suppost hija ovvja li sit storiku tibża’ għalih. Suppost għandna entitajiet li jagħrfu l-importanza tal-istorja tagħna. Imma le! Qed nagħmluha hawn u pprovaw jagħmluha l-Ġgantija. Hemm min qalli ‘int għal dawn l-erba’ ġebliet qed tinkedd?’. Din hija l-mentalità! Jekk ma nistgħux nagħmlu flus minnhom mhux importanti. 

Din ir-regħba li ta’ kuljum f’kull lokalità qed tkisser mhux biss postijiet storiċi imma anke l-bini tipikament Malti, l-ambjent Malti. Illum minflok irħula bi djar tipiċi, persjani sbieħ ikkuluriti tal-injam, parapetti bil-fjuri u qsari fejn tintasab fis-sajf għall-frisk u tgħid kelma mal-ġar tiegħek, tara blokok anonimi griżi u koroh bl-aluminium. Bilkemm tkun taf min joqgħod fihom. Flok dar kważi jagħtu l-idea ta ħabs jew ta’ box room għal affarijiet. M’għandhomx karattru! M’għandhomx storja. Tinsihom bħalma ninsew minn fejn ġejna, għax donnu fl-istorja m’hemmx business. Fl-istorja m’hemmx qligħ. Bl-istorja ma tiekolx.

Imma li kieku jieklu biss fiha u ma fihiex. Dawn nies li jridu jiffangaw. Kemm rajna bħalhom Malta u ġġilidna: il-progett oxxen tad-dB Pembroke, l-orrur propost flok Villa Rosa, it-tehid ta’ art agrikola għall-bini. Tħallux lill-Għawdex isir kopja fuq skala iżgħar ta’ Malta. Se titilfu, bħalma ġara lilna, rwieħkom. Se jneżżgħukom mill-identità tagħkom. Se tħarsu fil-mera u lanqas tagħarfu x’jagħmlek Għawdxi.

Minn hawn nispera li jintlaqgħu il-proposti li qed tagħmlu. Ma sarux bi qżież imma b’imħabba. Hemm bzonn fl-immedjat ta’ ordni ta’ konservazzjoni fuq iż-żona, studju dettaljat taż-żona, li titkabbar iż-żona ta’ protezzjoni għal Santa Verna, u monitoraġġ arkeoloġiku indipendenti fuq l-iżviluppaturi. Hemm bżonn nipproteġu l-għerien fiż-żona, u li jiġu rkprati u studjati l-bċejjec arkeoloġiċi u storiċi li nstabu. Dan hu dak li jagħmilna komunità – il-kapaċita’ li naraw il-valur f’dawn l-affarijiet. Dan hu dak li wkoll jgħin ikollna kwalità ta’ ħajja aħjar. 

FacebookEmail