Wara li d-db Group talab għal permess għal aktar sulari fuq art pubblika f’San Ġiljan, Dr Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali ta’ ADPD-The Green Party qal: “L-applikazzjoni tad-db Group għal seba’ sulari iżjed minn dak li diġà ħadu juri kemm l-ispekulaturi ma jixbgħu qatt u dejjem iridu aktar. Agħar minn hekk dan huwa r-riżultat ta’ art pubblika li ngħatat għall-ispekulazzjoni mill-Gvern Laburista, taħt il-gwida tal-hekk imsejjaħ ‘kandidat stilla’ l-ex-Ministru Konrad Mizzi. Infakkru li wara li Konrad Mizzi u l-Gvern Laburista ippermetta li art tal-gvern tingħata lid-db Group għall-ispekulazzjoni ta’ torrijiet residenzjali, Konrad Mizzi f’isem il-Gvern Laburista f’Diċembru tal-2018 ippilota mozzjoni parlamentari biex anke l-Corinthia Group jinbidlulu l-kundizzjonijiet tal-użu ta’ art pubblika minn skopijiet purament turistiċi għal dak ta’ spekulazzjoni tar-real estate.”
Iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Sandra Gauci żiedet tgħid li huwa ovvju li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed inkomplu nikkonfermaw is-settur tal-bini u l-ispekulazzjoni tal-art għandu poter kbir. “Tistgħu tqabblu mal-usura li titlob imgħaxijiet kbar, għax dejjem iridu aktar u aktar. Tul is-snin rajna inċidenti gravi, t-teħid ta’ ħajjet in-nies u anke djar u flattijiet litteralment jikkrollaw. Għandek ukoll spekulazzjoni selvaġġa minn fuq art pubblika, li tħalliet issir kemm taħt gvernijiet Nazzjonalisti, kif ukoll Laburisti. Għalxejn is-slogans tal-barunijiet li l-Labour kien juża spiss fil-passat, għax anke l-Labour huwa l-partit tal-barunijiet u tal-ispekulaturi. Li jkollok nies li wara li jkunu ingħataw art pubblika biex jibnu t-torrijiet u issa tant huma bla xaba’ li jridu aktar sulari turi l-arroganza ta’ dan is-settur. Jista’ mhux jippoża dwar Manoel Island, il-Prim Ministru Robert Abela, għax il-problema ċara u tonda: gvern wara ieħor qaddej tal-ispekulaturi għas-skaptu tagħna lkoll. Ekonomija finata bbażata fuq l-ispekulazzjoni tal-art, anke fuq art pubblika. Għandna wkoll membri parlamentari kemm tal-PL, kif ukoll tal-PN li jew kienu jew għadhom involuti f’negozju mal-ispekulaturi. L-ewwel ħaġa li trid issir huwa li membri parlamentari jsiru fulltime ħa nnaqqsu mill-kunflitti ta’ interess kbar li jeżistu.”
“L-aġevolazzjoni tal-ispekulazzjoni fuq art pubblika, minn Manoel Island, sal-Hilton, sas-sit tad-db Group u tal-Corinthia Group f’San Ġiljan juru kif l-interessi tal-ftit ħadu s-soppravvent fuq l-kwalità tal-ħajja tal-ħafna, f’San Ġiljan, f’Pembroke u fil-Gżira, fost postijiet oħra. Inutli li l-Prim Ministru jiftaħar b’xi proġett ta’ spazji miftuħa mentri imbagħad il-gvern ikompli jaġevola żvilupp bla rażan inkluż fuq art pubblika.”
Aqra aktar: https://adpd.mt/progett-db-group-pembroke-ha-ddumu-titmellhu-bin-nies/
