Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali ADPD – The Green Party
ralph.cassar@adpd.mt
Imdorrijin nassistu għal spettaklu pjuttost iritanti ta’ politiċi Laburisti u Nazzjonalisti jinfexxu
f’xulxin. Kompetizzjoni dwar min huwa l-aktar maħmuġ. Min evità t-taxxa, min daħħal lill-
għarusa taħdem fil-ministeru, u min approva l-isfreġju f’Chambray. Id-diskussjoni fuq l-
politika vera, jiġifieri fuq l-ideat, bilkemm tieħu l-post li ħaqqha, la fl-istampa, u lanqas fil-
programmi online jew fuq it-televiżjoni. Minflok naraw u nisimgħu litanija ta’ akkużi u għajjat
minn narċisisti varji, li aktar moħħhom biex jisimgħu l-ħoss ta’ leħinhom milli jagħmlu xi
kontribut siewi lejn il-ħajja demokratika tal-pajjiż. Qed naraw persuni bi ftit jew xejn prinċipji li
aktar moħħhom illi jippromwovu lilhom infushom bħala xi messija imma jixxejru mar-riħ skont
il-bżonn, bl-unika għodda tagħhom it-tfajjir bl-addoċċ fuq il-media soċjali. Freeriders li jridu
lill-minions jagħmlulhom ix-xogħol wara l-kwinti biex jippuppaw huma biss fuq quddiem, bla
ebda politika maħsuba fil-fond, ebda prinċipju, ebda viżjoni fit-tul. Ċentriżmu perikoluż li
jipprova jiġbor lil jiġi minn jiġi, bla togħma bħall-politika li diġà mdorrijin biha tal-PLPN. Saret
drawwa wkoll li l-politika ssir permezz tal-iqqortjar, għax b’hekk jġibu xi titlu b’ittri kbar fuq il-
gazzetti jew inkella jiġbdu l-‘clicks’ fuq il-media soċjali li kull ma joffru minn storja hija stampa
u sentenza waħda.
Il-ġimgħa li għaddiet kellna l-ewwel sentenza tal-Prim Awla tal Qorti Ċivili (Sede
Kostituzzjonali) fil-kawża li aħna l-Ħodor ta’ ADPD ftaħna kontra l-istat. Anke intom,
nistħajjilkom tgħiduli, qed tiqqortjaw? Xi kultant, il-prinċipji huma ta’ tali importanza li l-unika
mod kif dawn il-prinċipji nitfgħu dawl fuqhom huwa li nagħmlu użu mis-sistema tal-ġustizzja
biex naffermaw dawn il-prinċipji. Prinċipji li huma importanti għad-demokrazija. Il-prinċipju li
qed nagħfsu fuqu huwa dak li kull vot jgħodd, u għalhekk li huwa kontra d-drittijiet tal-
bniedem li jkollna sistema elettorali li tgħodd il-voti b’mod differenti skont il-partit. Sistema
fejn il-proporzjonalità tgħodd għal xi wħud, iġifieri għall-PL u l-PN, u mhux għal oħrajn.
L-argument tagħna huwa li f’demokrazija b’saħħitha, kull vot jgħodd. Imma l-PL u l-PN huma
kompliċi u flimkien iddeċidew li jagħtu valur u piż lill-voti tal-PLPN u tinjora l-bqija tal-voti tal-
Maltin u l-Għawdin. Iddisinjaw liġi li tagħmel aġġustamenti għall-proporzjonalità biss
bejniethom. Kitbuha fil-liġi. Imfassla speċifikament għalihom. Imbagħad ivvintaw, bl-iskuża
tal-bilanċ tal-ġeneru mod kif jieħdu, isimgħuha din, sitt membri parlamentari kull wieħed
minnhom. Issa li jkun hemm sistema li żżid il-bilanċ bejn il-ġeneri kollha hija xi ħaġa tajba.
F’diversi pajjiżi hemm sistemi varji. Imma fl-ebda pajjiż demokratiku ma’ jaqbdu u jqassmu
siġġijiet parlamentari bejniethom b’sistema li sfaċċatament tivvantaġġja lill-ikbar żewġ partiti.
Il-kompliċità fit-tbażwir tas-sistema elettorali tfisser li għandna Parlament ta’ disgħa u
sebgħin siġġu, minflok in-numru oriġinali ta’ ħamsa u sittin siġġu. Spiċċajna wkoll b’sistema
bi threshold effettiv ta’ 16% tal-voti f’kull distrett. Imma ovvjament it-tbażwir fil-proporzjonalità
u l-ġeneru jekk int Nazzjonalist jew Laburist biss, ifisser li sabu kif idaħħlu mit-tieqa erbatax-il
membru parlamentari tal-PLPN.
Il-kawża kostituzzjonali kienet dwar dan it-taħwid kollu, speċifikament dwar kif il-voti mhux
kollha jingħataw l-istess valur. Aħna tlabna lill-Qorti ssib li hemm ksur ta’ diversi drittijiet
umani, liema drittijiet huma mħarsa kemm mill-kostituzzjoni ta’ Malta kif ukoll mill-
Konvenzjoni Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem. L-ewwel deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali
bażikament qalet li l-ebda parti tal-Kostituzzjoni ma’ tista’ titqies bħala inkonsistenti jew li qed
tikser artikli oħra tal-Kostituzzjoni nnifisha. Ta’ min josserva li l-ewwel artiklu tal-Kostituzzjoni
tagħna jgħid li: “Malta hija repubblika demokratika bbażata fuq ix-xogħol u fuq ir-rispett għad-
drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwu”. Mela jekk il-Kostituzzjoni tikser id-drittijiet u
libertajiet m’hemmx x’tagħmel? Ifisser l-l-gvern u l-Parlament jistgħu jitfgħu li jridu fil-
Kostituzzjoni, avolja hemm din id-dikjarazzjoni ta’ prinċipju fl-ewwel artiklu? Ifisser li d-
drittijiet fundamentali tagħna jistgħu jiġu njorati? Ifisser li Artiklu 1 huwa biss paroli vojt, bla
effett ta’ xejn? Fil-passat kien hemm min qal li ċ-ċertifikati tal-Università huma karta tal-
inċova. Anke l-Kostituzzjoni tagħna karta tal-inċova?
Il-Qorti qalet ukoll li l-Kostituzzjoni mhux soġġetta għall-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet
tal-Bniedem. Din id-deċiżjoni għandha konsegwenzi gravi għalina lkoll bħala ċittadini ta’
pajjiż demokratiku li suppost protetti għax ngħixu f’ “repubblika demokratika bbażata fuq ix-
xogħol u fuq ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentalital-individwu”.
Aħna kommessi li nkomplu l-proċess legali sal-aħħar. Fil-ġranet li ġejjin l-avukati tagħna se
jissottomettu appell. Il-valuri tad-demokrazija f’pajjiżna se nkomplu niġġieldu għalihom. Jekk
hemm bżonn anke sal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu mmorru. Għax
huwa fl-interess ta’ kulħadd li nsaħħu d-demokrazija f’pajjiżna. Importanti għal kulħadd li l-
prinċipji dikjarati b’tant ċarezza fil-Kostituzzjoni jiġu rispettati mil-liġijiet ta’ pajjiżna.
Nistedinkom issegwu l-iżviluppi f’dan il-każ, anke fi żmien il-festi. Forsi l-argumenti mhux
sexy biżżejjed għall-media soċjali mhedijin fil-clickbait, iżda huma argumenti ta’ importanza
kbira għad-demokrazija tagħna u għad-drittijiet umani tagħna kollha.
Tistgħu tgħinuna b’donazzjonijiet billi żżuru s-sit tal-internet jew Facebook tagħna jew billi
tikkuntattjaw lil xi ħadd mill-uffiċċjali tagħna. Naf li żmien il-festi mhux xi żmien tajjeb li nitlob
għad-donazzjonijiet, imma l-għajnuna tagħkom hija apprezzata ħafna. Il-festi t-tajba.
NOTA: L-appell quddiem il-Qorti Kostituzzjonali ġie ppreżentat illum 30/12/2024.
https://adpd.mt/adpd-jipprezenta-rikors-quddiem-il-qorti-kostituzzjonali/
Min jixtieq jagħti l-għajnuna tiegħu jew tagħha f’din il-ġlieda kostituzzjonali, biex kull vot jgħodd, jista’ jagħmel dan billi jagħti donazzjoni b’mod elettroniku hawn.