4,000,000! L-effetti tat-turiżmu eċċessiv f’Malta huma ċarissimi

Filwaqt li t-turiżmu huwa settur importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna, iżda meta dan jiġi mħaddem mingħajr ippjanar, mingħajr limiti u mingħajr rispett lejn il-komunitajiet u l-ambjent, jispiċċa jagħmel aktar ħsara milli ġid. Illum Malta qed tħoss l-effetti ċari ta’ turiżmu eċċessiv (over tourism) li qed jikkawża pressjoni qawwija fuq l-infrastruttura, l-ambjent naturali u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.

Sandra Gauci, Chairperson ta’ ADPD-The Green Party qalet:”Aħna ilna nisħqu li l-mudell ta’ tkabbir bla rażan fin-numri mhuwiex sostenibbli. 4 miljun turist fis-sena wisq, u huwa ċarissimu li aktar lukandi u akkomodazzjoni turistika m’hawnx posthom. Il-fatti juru li aktar turisti ma jfissrux awtomatikament aktar kwalità jew aktar ġid maqsum b’mod ġust. Ifisser aktar traffiku, aktar skart, aktar pressjoni fuq ir-riżorsi tal-ilma u l-enerġija, u aktar sfruttament ta’ art pubblika u x-xtut tagħna permezz ta’ konċessjonijiet li ħafna drabi jispiċċaw jiffavorixxu lill-ftit. Ifisser ukoll aktar sfruttament ta’ ħaddiema f’impjiegi ta’ kwalità baxxa. Ironikament l-Gvern fil-Viżjoni 2050 tiegħu qed jipproponi aktar u aktar turiżmu.”

“Ma nistax ma nsemmix Kemmuna, żoni u lokalitajiet kostali u siti sensittivi, li huma eżempji lampanti ta’ kif l-pressjoni turistika laħqet livelli allarmanti. Siti protetti u siti Natura 2000 qed jiġu sfruttati għal attivitajiet kummerċjali li ma jirrispettawx il-kapaċità tagħhom. Dan iwassal għal degradazzjoni tal-ekosistemi, tniġġis, storbju eċċessiv u telf ta’ spazji naturali li huma patrimonju tagħna lkoll. Żgur li wasal iż-żmien li l-kummerċjalizazzjoni ta’ Kemmuna tieqaf, minflok qed naraw bini turistiku lussuż għall-ftit.”

“Il-komunitajiet lokali qed iħallsu wkoll prezz soċjali: żieda fil-kirjiet, żoni li jitilfu l-karattru tagħhom, u x-xtut li minflok spazju miftuħ għall-pubbliku jsiru kważi monopolju ta’ operaturi kummerċjali prattikament minn qabel ma jisbaħ. Xatt mimli sunbeds u kiosks bla kontroll ma joffrix esperjenza ta’ kwalità la lit-turist u lanqas lir-resident. Ma nistax ma nsemmix San Pawl il-Baħar, li flimkien ma’ postijiet oħra qed isofri minn dawn il-problemi.”

“Diversi destinazzjonijiet turistiċi diġà fehmu li hemm bżonn kontroll u kuraġġ politiku. F’Venezja ġew introdotti miżuri ta’ numru ristrett  biex jiġi kkontrollat l-aċċess u titnaqqas il-pressjoni fuq il-belt storika. F’Ibiza ittieħdu deċiżjonijiet biex jitnaqqsu s-sunbeds u jiġu introdotti regoli aktar stretti fit-tenders tal-bajjiet sabiex l-esperjenza tkun aktar sostenibbli u ta’ kwalità. Dawn huma eżempji ta’ tmexxija serja li tpoġġi l-interess fit-tul qabel il-profitt immedjat.”

ADPD-The Green Party jemmen li Malta għandha bżonn:

* Strateġija nazzjonali li tiffoka fuq kwalità u mhux kwantità fit-turiżmu.

* Limiti ċari fuq it-turiżmu billi ma’ jitkabbrux il-lukandi, u ma jiżdiedux is-sodod tal-lukandi u short-lets.

* Limiti ċari fuq il-kapaċità ta’ siti sensittivi u x-xtut.

* Trasparenza u ġustizzja fit-tenders u l-konċessjonijiet ta’ art u bajjiet pubbliċi.

* Turiżmu li jirrispetta ‘l-ambjent u ‘l-komunitajiet lokali.

* Infurzar effettiv kontra abbużi u illegalitajiet.

* Filwaqt li ninnotaw li l-eko-kontribuzzjoni turistika żdiedet, nemmnu li tista’ tkun aktar effettiva fuq kull turist, u kull ‘bed-night’ u tmur direttament għand il-Kunsilli Lokali.

Il-patrimonju naturali tagħna mhuwiex fabbrika tal-flus għal min għandu l-aċċess u l-kuntatti. Huwa ġid komuni li għandu jiġi mhares għall-ġenerazzjonijiet ta’ llum u ta’ għada. Malta ma tistax tibqa’ tibni ekonomija fuq sfruttament bla limitu tal-art u tal-baħar tagħha. Hemm bżonn bidla fil-mentalità u kuraġġ politiku biex nieqfu nsegwu mudell li qed iħalli impatt negattiv fuq l-ambjent, fuq il-komunitajiet u fuq l-esperjenza turistika nnifisha.

FacebookEmail