Illum Simon Busuttil għamel eloġju sħiħ lill-kaċċaturi u ftaħar kemm huwa favur il-kaċċa. Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali ta’ AD u kandidat fuq Distretti 7 u 11 qal:”L-eloġju ta’ Simon Busuttil illum fis-Siġġiewi lill-kaċċaturi u favur il-kaċċa turi l-ipokrezija tiegħu. Minn naħa jindhies mal-ambjentalisti u jgħid kemm il-partiti tiegħu huwa ‘ambjentalist’ u minn oħra jiġri wara l-kaċċaturi għall-voti. Dan huwa eżempju ieħor ta’ kemm il-PN jimxi, bħall-PL, għal għajn lobbies arroganti u b’saħħithom.”
“Il-PN, bħall-PL ma jinteressahx minn kampanja ħiels u libera għat-tgawdija tan-nies, tat-tfal u l-familji iżda jrid ikompli jħalliha f’idejn il-ftit bulijiet.”
“M’hemmx x’tagħżel bejn il-PL u l-PN. Vot Alternattiva huwa l-vera vot nadif. Il-kontroll tal-kaċċa jiddependi wkoll mir-rieda tal-gvern. Simon Busuttil, bħal Joseph Muscat mhux interessat jagħmel kontrolli serji.”
“B’Referendum propożittiv, li aħna tal-AD qegħdin nipproponu mill-ġdid, iċ-ċittadini jistgħu jipproponu liema liġijiet jidrilhom huma, b’eċċezzjonijiet limitati bħal liġijiet fuq tassazzjoni u sigurtà – Simon Busuttil bi ħsiebu jiddeċiedi hu u hu biss x’jistgħu jipproponu ċ-ċittadini ta’ dal- pajjiż? Iċ-ċittadini f’pajjiż demokratiku, b’liġi serja dwar ir-referenda, mhux suġġetti għar-rieda la ta’ Busuttil u lanqas ta’ Muscat.”