Wara r-riżenja ta’ Bartolo nistennew ta’ Camilleri

“Nilqgħu r-riżenja tal-Ministru Clayton Bartolo li wara skandli u dubji dwar kif mexxa l-ministeru tiegħu għamel dan il-pass li aħna bħala ADPD konna minn tal-ewwel li tlabnih. Imissu ilu li rriżenja. Id-dewmien biex irriżenja għamel ħsara lill-pajjiż.”

Dan sostnietu ċ-Chairperson tal-ADPD Sandra Gauci fi stqarrija meta qalet li l-kontabbiltà u t-trasparenza fl-imġiba hi essenzjali għal kull min jokkupa kariga pubblika. “Il-Ministri għandhom ikunu minn tal-ewwel li jkunu eżemplari fil-mod kif imexxu u jekk le jwarrbu jew jitwarrbu. Il-mod kif jintużaw il-fondi pubbliċi għandu dejjem ikun trasparenti għax wara kollox huma t-taxxi tal-poplu. Dawn għandhom jintużaw b’galbu u kull ċenteżmu nkunu nafu fejn u kif intefaq. Din hi l-kontabilità vera.”

“It-tmexxija fejn, għax tkun tal-qalba, tgawdi anke meta ma jkunx ħaqqek hija ta’ detriment għaċ-ċittadin u għall-pajjiż. Hemm bżonn kontabbiltà tal-azzjonijiet u nies li verament kapaci għax-xogħol li jkunu daħlu għalih,” sostniet Gauci. “Il-Prim Ministru jmissu ilu li ġiegħel lil dawn il-ministri biex iwarrbu.  Minflok qagħad jistenna biex jara l-opinjoni pubblika tkunx voċifera biżżejjed.  Dan jimplika tmexxija dgħajfa nieqsa minn sens ta’ etika, u turi wkoll ir-rwol kruċjali tal-media indipendenti, u s-soċjetà ċivili u l-pluraliżmu fil-politika, biex iservu ta’ tarka għall-pubbliku li qed jinsteraq minn flusu prattikament kuljum.”   

“Issa nistennew ir-riżenja tal-Ministru l-ieħor, Clint Camilleri, li kien strumentali biex Clayton Bartolo seta’ jabbuża.  Nistennew ukoll li Amanda Muscat trodd lura l-flus li kkapparrat għax-xogħol li qatt ma għamlet,” temmet tgħid Gauci.  

FacebookEmail