Wara l-arrest ta’ Yorgen Fenech, nitolbu t-tkeċċija immedjata ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi

Iċ-Chairperson ta’ AD Carmel Cacopardo, fid-dawl tal-arrest ta’ Yorgen Fenech qal li Keith Schembri u Konrad Mizzi għandhom jitkeċċew immedjatament.

“L-arrest ta’ Yorgen Fenech kmieni dalgħodu fuq il-yacht tiegħu barra Portomaso jiftaħ il-bibien beraħ għal ħafna affarijiet.

L-ewwel nett, għal min isegwi, isem Yurgen Fenech ilu iċċirkula fil-widnejn bħala dak il-businessman prominenti li rreferiet għalih it-Times xi ġimgħat ilu bħala l-allegat mandanti, s’issa mhux magħruf, fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

It-tieni, l-fatt li minkejja dan Yorgen Fenech kien għadu hawn, jiġri mas-saqajn, kien ifisser li hu kien konvint li ma hu ser jiġri xejn. Bħalma kont naf jiena u ħafna oħrajn b’dak li kien qed jingħad dwaru, bla dubju kienu jafu ukoll dawk li għandhom il-poter li jaġixxu, u ma aġixxewx qabel f’dawn l-aħħar siegħat, meta ma kellhomx iktar għażla.

It-tielet, Yorgen Fenech il-businessman ifisser ukoll il-kumpanija 17 Black u l-allegazzjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu magħha. Fosthom, issemmew repetutament l-ismijiet ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-kuntest ta’ emails b’referenza għal ħlasijiet sostanzjali.

Xi affarijiet huma magħrufa diġa imma inevitabilment għad jaraw id-dawl tax-xemx affarijiet oħra ukoll.

Fid-dawl ta’ dan kollu nifhem iktar għaliex il-bieraħ, quddiem il-kamera tat-TV, Joseph Muscat deher qiesu ras maqtugħa. Bħalu, u forsi agħar minnu dehru xi Ministri.

Fid-dawl ta’ dan kollu hu inevitabbli li Konrad Mizzi u Keith Schembri jkunu l-ewwel tnejn li jirreżenjaw, inkella għandhom jitkeċċew immedjatament.

Warajhom hemm oħrajn. Imma pass pass.”

FacebookEmail